-
-
L-inizjattiva ta’ evanġelizzazzjoni li bdiet f’Malta kienet u għada inizjattiva importanti fit-tixrid tal-Evanġelju fl-erbat’irjieħ tad-dinja. Hekk qal il-Kardinal Peter Turkson, il-President tal-Kunsill Pontifiċju tal-Ġustizzja u Paċi tal-Vatikan li ġie Malta għaċ-ċelebrazzjoni li saret ilbieraħ fil-Knisja ta’ San Franġisk f’Birkirkara biex tfakkar il-bidu tal-Institute for World Evangelization – ICPE Mission tletin sena ilu. Il-Kardinal Turkson kompla jgħid li l-Knisja mingħajr missjoni m’hijiex il-Knisja vera nisranija u li d-dinja għandha bżonn kbir ta’ persuni b’mod partikolari lajċi li jiddedikaw ħajjithom kompletament biex iwasslu ‘l Kristu lill-oħrajn.
L-ICPE huwa moviment missjunarju mwaqqaf f’Malta minn Mario & Anna Cappello u mexxejja oħra tal-Moviment Tiġdid Karizmatiku bil-għan li jifforma Kattoliċi lajċi fil-ħidma tal-evanġelizazzjoni fi ħdna il-Knisja Kattolika. L-ewwel skola ta’ evanġelizzazzjoni, li ddum sejra erba’ xhur sħaħ, saret f’Malta fl-1985. F’dawn it-tletin sena dawn l-iskejjel u komunitajiet xterdu f’diversi pajjiżi differenti u llum insibu ċentri tal-ICPE fil-Ġermanja, il-Ghana, l-Indja, Singapore, New Zealand, il-Filippini, l-Istati Uniti, il-Korea t’Isfel, u l-Kolumbja.
Għaċ-ċelebrazzjoni tal-lbieraħ li għaliha attenda wkoll l-Arċisqof ta’ Malta Mons. Charles J. Sciculna, kienu preżenti madwar 150 missjunarju lajk u diversi saċerdoti minn 18-il pajjiż differenti. Dawn jinsabu Malta għal diversi seminars u laqgħat oħrajn.
Fl-2002, is-Santa Sede irrikonoxxiet l-ICPE bħala Assoċjazzjoni tal-Fidili bi dritt pontifiċju. Proġett importanti ħafna tal-ICPE, prinċipalment bil-għajnuna ta’ benefetturi Maltin, huwa t-twaqqif ta’ Ċentru tas-Saħħa fil-Ghana, li fost oħrajn se jkun jinkludi sptar universitarju bi 80 sodda li jispeċjalizza fil-mard tas-sider, mard tropikali u mard tal-għajnejn.
Fiċ-ċelebrazzjoni tal-lbieraħ tkellem ukoll l-Arċisqof ta’ Malta li filwaqt li feraħ lill-ICPE għat-tletin sena ta’ ħidma, ħabbar li l-Arċidjoċesi ta’ Malta se tkun qed tospita u tgħin istitut tal-ICPE għal formazzjoni ta’ saċerdoti missjunarji.
-