L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Faċli fil-ħajja nirraġunaw, kif semma Ġesù hawnhekk fl-Evanġelju, “għajn b’għajn u sinna b’sinna”. Kważi tiġi naturali li meta nirċievu azzjoni ħażina, irridu npattu b’azzjoni ħażina. Ġesù kien jaf li n-nies kienu midħla ta’ dan, għalhekk jgħidilhom: “Smajtu xi ntqal…”
Imma li kultant ninsew, anke meta nitkellmu fuq dan, hu li fit-Testment il-Qadim “għajn b’għajn u sinna b’sinna” ma kinitx tfisser: jekk xi ħadd għamillek azzjoni ħażina, qis li tpattihielu b’azzjoni ħażina. Imma kienet restrizzjoni. F’soċjetà fejn għal kull azzjoni ħażina, in-nies kienu – u għadhom illum ħafna drabi – ipattu ħafna aktar, jiġifieri għal sinna mhux tkissirlu sinna, imma tkissirlu ħafna jew ix-xedaq, kien hemm din ir-restrizzjoni li tgħid: m’għandekx inti tkun goff fir-reazzjoni tiegħek. Għalhekk ma kinitx biex tħeġġeġ lin-nies ipattu, imma anzi biex tiġbed ir-riedni ħalli ma jpattux b’mod goff.
Imma Ġesù jgħid: lanqas hekk ma għandna nirraġunaw u nagħmlu. Għaliex “għajn b’għajn u sinna b’sinna” tfisser li jiena għall-ħażin li nirċievi npatti b’azzjoni ħażina; u Ġesù jridna lilna, li nkissru dan iċ-ċiklu ta’ mibegħda, tpattija, vjolenza. Hu b’dal-mod biss li nistgħu nibdew xi ħaġa ġdida. Jekk aħna nidħlu fl-istess ċiklu tal-oħrajn, u l-ħażin inpattuh bil-ħażin, li nkunu qed nagħmlu hu li nkattru dak li hu ħażin. Ġesù jridna li naħdmu ħalli nkunu sinjal ta’ ħajja ġdida, b’mod li negħlbu dak li hu ħażin bil-ġenerożità ta’ qalbna, u bil-mod tajjeb li bih aħna nġibu ruħna, u bil-ħlewwa tagħna.
Forsi jkun hawn jgħid – u ġieli tgħaddilna minn moħħna wkoll – allura min jagħmel il-ħażin tħallih għaddej? Min jagħmillek azzjoni ħażina, toqgħodlu qisek ċass u tħallih jagħmlek tapit? U b’dal-mod int ma tkunx qiegħed issaħħaħ lil min hu vjolenti, issaħħaħlu idu, jekk inti tirrassenja ruħek? Ġesù mhux hekk qed jgħid. Ma jridx li aħna, quddiem dak li hu ħażin, nirrassenjaw ruħna u ngħidu: ħallih! Hu mhux hekk għamel. Ġesù jrid li aħna nsegwu l-eżempju tiegħu li tkellem ċar quddiem l-inġustizzja u l-mibegħda; imma qatt ma patta l-ħażin b’azzjoni ħażina. Fil-fatt, niftakru, meta kien fil-Passjoni, quddiem il-qassis il-kbir, u wieħed mill-għases tah daqqa ta’ ħarta, Ġesù qallu: “Jekk jien għedt xi ħaġa mhux sewwa, urini fejn; imma jekk għedt is-sewwa, għaliex terfa’ idek fuqi?”
Ġesù jridna li naħdmu ħalli nkunu sinjal ta’ ħajja ġdida, b’mod li negħlbu dak li hu ħażin bil-ġenerożità ta’ qalbna, u bil-mod tajjeb li bih aħna nġibu ruħna, u bil-ħlewwa tagħna.
Ġesù jrid li aħna nwieġbu bi mħabba u b’ġenerożità, imma naħdmu kontra dak li hu ħażin. Hemm differenza. Jekk wieħed, pereżempju, jinsultak, li int tinsultah lura tkun qed tkompli biċ-ċiklu ta’ insulti, tgħajjir, mibegħda. U kattart l-insulti, it-tgħajjir u l-mibegħda. Ġesù jrid li aħna – u din nistgħu nagħmluha bl-għajnuna tiegħu, mhux bil-qawwa tagħna għax waħedna ma naslux – bil-grazzja tiegħu ma nweġbux bl-istess mod għall-ħażin li nirċievu, u hemm inkunu qed nagħtu l-ikbar kontribut għal soċjetà aħjar. B’dal-mod, jekk naħsbu ftit, nindunaw kif Ġesù jridna ngħixu ħielsa. Meta int ma tweġibx b’dal-mod – azzjoni ħażina għal azzjoni ħażina li rċevejt – int ma ħallejt lil ħadd jikkmandalek ħajtek, jikkundizzjonak, imexxik minn imnieħrek. Imma int kapaċi tgħid ‘le’ għal dak li hu ħażin, u twieġeb bit-tajjeb.
Nitolbu lill-Mulej li bil-qawwa tiegħu, u bl-għajnuna li jagħtina hu, aħna nkunu nistgħu naħdmu għal dak li hu tajjeb, bi spirtu tajjeb, kif għallimna hu; inkissru ċ-ċiklu tal-ħażen, tal-mibegħda, tat-tpattija u tal-vjolenza, u hekk inkunu aktar aħna fil-paċi, u nagħtu sehemna wkoll għal soċjetà aħjar.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju