• L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

     


  • Il-Konkatidral ta’ San Pawl, l-Imdina

    21 ta’ Marzu 2019

    L-għani, matul ħajtu, ħoloq abbiss, fondoq, bejnu u bejn il-fqir li kien jismu Lazzru. Meta Ġesù għażel li jagħmel u jgħid din il-parabbola, lill-għani ma semmiex ismu imma lill-fqir tah l-isem ta’ ħabib kbir tiegħu, ta’ Lazzru ta’ Betanja, li mbagħad kellu jqajmu lura mill-imwiet. Ġesù għamel hekk biex donnu jgħidilna li l-fqar li huma mwarrbin f’din l-art huwa jgħoddhom bħala ħbieb speċjali tiegħu.

    Imma li jrid jgħallimna huwa li dak li noħolqu hawnhekk fid-dinja, insibuh fl-eternità. L-għani ħoloq abbiss bejnu u bejn il-fqir; lill-fqir ma kienx jagħti kasu. Kien forsi jħallih jiekol minn xi frak li jaqa’ mill-mejda tiegħu, imma mbagħad dak l-abbiss li hu ħoloq fl-art, sabu fl-eternità. Abram jgħidlu: “Hemm vojt bla qjies bejnkom u bejnna, biex min ikun irid jaqsam minn hawn għal għandkom ma jkunx jista’, u anqas ma jgħaddu minn hemm għal għandna” (Lq 16:26).

    Meta nħarsu lejn il-ħajja ta’ Mons. Mercieca ma nsibux abbissi imma pontijiet.

    Meta nħarsu lejn il-ħajja ta’ Mons. Mercieca ma nsibux abbissi imma pontijiet. Kull fejn kien jgħaddi u jimxi, kien jipprova jħares lejn il-persuna b’ħarsa profonda u jħobbha. B’hekk ħoloq ħafna pontijiet ma’ ħafna nies, anke mal-għedewwa tiegħu. Il-glorja tiegħu kienet li wassal il-ġenna ħafna nies li kienu keddewh, u bil-kbir. Kien hu li għamlilhom il-pont mid-dinja għall-eternità.

    Illum aħna nitolbu l-interċessjoni tiegħu u nitolbu wkoll għal ruħu, kif inhu d-dover tagħna, imma nitolbu li aħna, fuq l-eżempju tiegħu, kull fejn ngħaddu noħolqu pont ta’ konnessjoni, ta’ mogħdrija, ta’ paċenzja, ta’ umiltà, ta’ mħabba u ta’ maħfra.

    “Għandhom lil Mosè u l-Profeti; jisimgħu lilhom” (Lq 16:29), u l-Mulej jinsisti: “Jekk ma jisimgħux lil Mosè u l-Profeti, anqas jekk iqum xi ħadd mill-imwiet ma jemmnu” (Lq 16:31). Ir-responsabbiltà tagħna hija kbira: dik li nħabbru l-Kelma ta’ Alla, lil Mosè u l-Profeti. Aħna għandna l-privileġġ inħabbru lil Ġesù stess, l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem. M’għandniex għalfejn inħarsu lejn affarijiet spettakolari, imma nitolbu l-grazzja li nkunu fidili lejn il-Kelma u lejn il-Qalb ta’ Ġesù. Jekk ikollna l-Kelma ta’ Ġesù u l-Kelma tat-tagħlim tal-Knisja, imma ma jkollniex il-Qalb ta’ Ġesù, ma jkollniex is-sens tal-mogħdrija u tal-paċenzja tiegħu. Il-Kelma ssir ġebel li ngaraw biha lin-nies. Minflok Kelma ta’ fidwa ssir sawt ta’ kundanna.

    Għalhekk nitolbu ’l Alla li nkunu fidili lejn Mosè u l-Profeti, imma li waqt li nxandru, nisimgħu u nobdu l-Kelma jkollna l-qalb ta’ Ġesù, li qatt ma sawwat lill-midneb imma refgħu u għenu biex jimxi fit-triq tal-qdusija.

    Agħtih, o Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem, jistrieħ fis-sliem. Ammen.


    ✠ Charles J. Scicluna

        Arċisqof ta’ Malta