L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Il-Kelma ta’ Alla llum, li hija kelma speċjali magħżula għall-festa ta’ San Lawrenz, tirrepeti ħafna l-kelma ‘qaddej’ jew ‘qadi’ anke għaliex San Lawrenz kien djaknu. Il-kelma ‘djaknu’ ġejja mill-Grieg li tfisser qaddej, diakonos. Il-qadi huwa d-djakonija. Aħna fil-fatt f’kull djoċesi jkun hemm il-ministeru tad-djakonija, il-ministeru tal-qadi, u għalhekk illum, aħna u niċċelebraw il-festa ta’ San Lawrenz, irridu niċċelebraw ukoll dak li fil-Knisja huwa l-ministeru tal-qadi.

Ġesù jgħallimna li rridu nkunu qaddejja għal xulxin. Fil-fatt, ftit wara dan il-kliem sabiħ mill-Evanġelju ta’ San Ġwann, l-istess evanġelista jfakkarna li Ġesù, awlillejl qabel ma bata, tħażżen b’fardal u għamilha ta’ qaddej, ħasel riġlejn id-dixxipli tiegħu u qal: “Jiena li jiena l-Imgħallem u s-sid għamiltilkom hekk, hekk għandkom tagħmlu intom lil xulxin” (Ġw 13:13-14).

Fl-Evanġelju tal-lum hemm ix-xbieha sabiħa tal-ħabba tal-qamħ. Ġesù jinsisti li l-ħabba tal-qamħ, “jekk ma taqax u tmut, se tibqa’ weħidha; imma jekk tmut tagħmel ħafna frott” (Ġw 12:24). Hawnhekk faċli niftakru f’kelma għażiża ta’ wieħed mill-għorrief il-kbar tal-Knisja, Tertulljanu, li jgħid li d-demm tal-martri huwa żerriegħa tal-Insara. Meta l-Mulej isejjaħ lil xi ħadd minna biex jagħti ħajtu, anke fiżikament, bħala xhieda tal-imħabba tiegħu lejn Ġesù, ikollu effett kbir fuq il-poplu. Dak id-demm imxerred b’xhieda ta’ mħabba għandu qawwa kbira quddiem Alla u quddiem id-dinja.

Kienet aħbar li sewditilna qalbna meta lbieraħ smajna b’saċerdot Franċiż li laqa’ għandu persuna li kellha bżonn l-għajnuna, migrant, u dan mingħajr ma nafu għaliex u kif, qatlu. Tah il-kenn, temgħu, u bħala ħlas ta’ dak kollu li għamel miegħu, inqatel. Hija xhieda li tħassibna imma xhieda wkoll li ma ninsewha qatt: saċerdot li ta ħajtu biex ikun xhieda ta’ din il-karità li tagħha kien tant xhud qawwi San Lawrenz.

Anke min iħallas it-taxxi qed jagħmel id-dover tiegħu u qed jikkontribwixxi biex fis-soċjetà tibqa’ għaddejja din ix-xibka ta’ djakonija, ta’ qadi.

San Pawl għandu frażi sabiħa li smajna fl-ewwel qari mit-Tieni Ittra lill-Korintin. “Huwa qassam bil-kotra u ta lill-foqra; l-ġustizzja tiegħu tibqa’ għal dejjem” (2 Kor 9:9). Waħda mill-glorji ta’ San Lawrenz hija propju l-karità li għamel bħala amministratur tal-beni tal-Knisja għax il-Papa Sistu kien fdah bl-amministrazzjoni tal-beni u parti mill-missjoni ta’ Lawrenz kienet li jara min għandu bżonn jirċievi l-għajnuna tal-Knisja. Allura, meta staqsewh għat-teżori tal-Knisja, urihom fejn kienu marru t-teżori tal-Knisja biex jgħinu l-batuti, il-morda, u l-foqra, u dawk li b’mod speċjali fit-tielet seklu ma kellhomx min jieħu ħsiebhom.

Illum fil-pajjiż għandna xibka ta’ servizzi soċjali imma din tiġi mit-taxxi li nħallsu. Anke min iħallas it-taxxi qed jagħmel id-dover tiegħu u qed jikkontribwixxi biex fis-soċjetà tibqa’ għaddejja din ix-xibka ta’ djakonija, ta’ qadi. Forsi din il-ħaġa ma tantx naħsbu fuqha għax aħna ġeneralment meta nirċievu l-kont tat-taxxa nieħu qata’ u ma neħdux pjaċir. Ħadd ma jieħu pjaċir iħallas it-taxxi imma peress li qegħdin f’pajjiż li għandu sistema ta’ servizzi soċjali qawwija ħafna, bħas-saħħa b’xejn, pensjonijiet u tant servizzi oħra li jingħataw, dawn kollha ġejjin mit-taxxi li nħallsu u allura min iħallas it-taxxa qed jikkontribwixxi wkoll għas-serviz fis-soċjetà.

Jekk Nisrani jgħid li ma tantx jagħti karità, it-taxxa jħallasha? Nawgura li parti sew mit-taxxa tiegħu tmur għall-ġid tas-soċjeà. Allaħares tmur għal affarijiet mhux tajbin. Bl-interċessjoni ta’ San Lawrenz jalla nifhmu aħjar il-karità indiretta. Ikun att sabiħ li kieku l-karità nagħtuha wkoll meta jkun hemm il-bżonn, għax il-bżonn qatt ma jiġi nieqes. Ġesù qalilna li l-fqar dejjem magħna. Imma tajjeb li min iħallas it-taxxi b’ġustizzja jifhem li qed jagħmel ukoll karità mhux mal-Istat imma max-xibka soċjali ta’ servizzi soċjali li joffri l-pajjiż.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: 2 Kor 9: 6-10
Salm: 111: 1-2.5-9
Evanġelju: Ġw 12: 24-26