-
-
L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
-
L-Oratorju tal-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta
1 ta’ Ottubru 2018Meta Aristotile ried jindika l-atteġġjamenti etiċi u fundamentali tal-bniedem, indika erba’ li aħna nsejħulhom ‘virtujiet kardinali’ għaliex fuqhom, bħaċ-ċpiepet, joqgħod propju l-bieb tal-ħajja morali, tal-ħajja tajba. Il-ħajja morali hija dik li tevita l-ħażin u tagħmel it-tajjeb. Għal Aristotile u anke għat-tradizzjoni Oċċidentali filosofika u morali, dawn l-erba’ virtujiet huma: il-prudenza, it-temperanza (ir-rażan), il-qawwa u l-ġustizzja. L-ewwel tlieta huma atteġġjamenti li jippruvaw janimaw l-atteġġjament personali ta’ kull wieħed minna.
Għandna bżonn il-prudenza biex nagħrfu l-għaqal u l-mezzi għall-għanijiet tagħna. Il-bniedem prudenti huwa dak li jfittex parir qabel jiddeċiedi u jqis iċ-ċirkustanzi kollha u mbagħad jagħżel triq li tevita l-eċċessi. Il-bniedem prudenti jagħżel it-triq ekwilibrata, in medio stat virtus (virtues stand in the middle).
Il-bniedem li jagħżel il-ħajja morali għandu bżonn ukoll ħafna rażan. It-temperanza mhux biss biex trażżan l-istint għas-sokor imma wkoll l-istint għall-gratifikazzjoni personali li ħafna drabi jista’ jkun meta mhuwiex imrażżan l-element ta’ distruzzjoni jew ta’ awtodistruzzjoni. Ir-rażan huwa importanti għaliex għandna bżonn ukoll ngħixu ħajja ekwilibrata bejn l-istinti tagħna u l-esiġenzi tal-bene vivere, jiġifieri li tgħix ħajja ta’ nies.
Il-qawwa hija neċessarja għaliex għalkemm ħafna drabi jkollna intenzjonijiet tajbin, m’għandniex il-ħeġġa neċessarja biex nagħmlu t-tajjeb meta dan ifisser li trid tħallas prezz għoli, jew kif jgħidu t-Taljani, un prezzo salato. Il-qawwa tal-bniedem iġġiegħlu jimxi fuq il-prinċipji tiegħu mingħajr ma jħares lejn il-lemin jew lejn ix-xellug u mingħajr ma jħares lejn il-wiċċ ta’ dak li jkun. Il-qawwa hija neċessarja wkoll biex aħna, fil-lealtà tagħna, ma nċedux la għar-rikatti u lanqas għall-pressjonijiet indebiti.
Intom tifhmu li biex bniedem ikollu l-aħħar virtù, il-virtù tal-ġustizzja, irid iħares lejn ir-rapporti mal-oħrajn u għandu bżonn ħafna għaqal, ħafna rażan u ħafna qawwa. Il-virtù kardinali tal-ġustizzja, l-ewwel nett tqis lill-proxxmu b’dinjità u b’rispett, tagħti lil kulħadd skont kif imissu imma wieħed jifhem li biex jipprattikaha għandu bżonn ħafna prudenza, ħafna għaqal, ħafna rażan u ħafna qawwa u kuraġġ.
Aħna u nibdew din is-Sena Forensi, qed nibdew servizz essenzjali għall-pajjiż: dak li jħares liċ-ċittadin mill-arroganza tal-poter u mill-inġustizzji.
Aħna ta’ kull sena niltaqgħu hawnhekk quddiem kapulavur ta’ Caravaggio li juri xena ta’ inġustizzja totali. Min qed jagħmel l-inġustizzja mhuwiex qiegħed hemm imma qiegħed hemm dak li qiegħed iwettaq l-ordni; min qiegħed jagħti l-ordni tal-assassinju ta’ Ġwann il-Battista mhuwiex qiegħed fil-kwadru, bħal ħafna drabi ma jkunx fil-kwadri li npinġu fid-dinja; imma hemm l-eżekutur. Hemm is-suldat jew il-qaddej imqabbad biex imur jaqta’ ras Ġwann il-Battista u jpoġġiha fuq platt u jagħtiha lil Salome, bint Erodijade. Dan il-kwadru, li huwa l-martirju tal-prekursur ta’ Ġesù, għandu jkun twissija għalina għaliex aħna u nibdew din is-Sena Forensi, qed nibdew servizz essenzjali għall-pajjiż: dak li jħares liċ-ċittadin mill-arroganza tal-poter u mill-inġustizzji.
Fid-dinja kollha u skont it-tradizzjonijiet antiki b’ħafna pompa aktar milli aħna mdorrijin hawnhekk imma fl-istess ħin għandna l-grazzja li qegħdin f’dan l-oratorju uniku fid-dinja, it-tradizzjoni hija li s-Sena Forensi tibda bil-Quddiesa lill-Ispirtu Qaddis tal-Mulej, lill-Ispirtu s-Santu. L-aħħar riflessjoni tiegħi llum hija fuq it-titlu sabiħ tat-tielet persuna tas-Santissima Trinità. Ġesù jgħidlu bil-Grieg, parakletos, advocatus, u jwiegħdu biex lill-poplu tiegħu l-Mulej jagħtih il-faraġ u l-għajnuna neċessarja. Meta Ġesù ried jispjega lid-dixxipli d-don u l-kariżma (dan hu isem ieħor li Ġesù jagħti lill-Ispirtu s-Santu) in-naturalezza tiegħu u ried jispjega wkoll kif ser jgħinhom, uża dan it-terminu sabiħ: advocatus, dak li inti ssejjaħ biex ikun miegħek fil-mument fejn għandek bżonn il-faraġ, il-kunsill, id-dawl u l-parir it-tajjeb.L-eżami tal-kuxjenza li rridu nagħmlu aħna li neddikaw ħajjitna għall-ministru tal-ġustizzja huwa jekk xogħolna huwiex jagħti frott ta’ ġustizzja. Għax jekk aħna nibqgħu biss fuq il-pożittiviżmu, jiġifieri applikajt il-liġi u allura għamilt id-dover tiegħi, aħna nistgħu nkunu bħal dawk l-eżekuturi mqabbdin mhux biex jiddefendu lill-poplu imma biex jgħakksuh. Allaħares naslu fit-traġedja li l-qrati tal-ġustizzja jkunu strument ta’ oppressjoni. Dan jiddependi mill-kuxjenza ta’ kull wieħed u waħda minna.
Aħna li aħna qaddejja tal-verità, allaħares nsiru strumenti tal-gidba għaliex inkella mhux biss qed naħlu ż-żmien tagħna imma qed nagħtu servizz ħażin lir-Repubblika.
Aħna għandna bżonn inkunu qrib in-nies tagħna; li tkun advocatus tfisser li tkun qrib in-nies. Allaħares iħarsu lejna bħala l-Avukat Azzeccagarbugli, il-famuż personaġġ ta’ Alessandro Manzoni, li qegħdin hemm biex nisolħu n-nies. Aħna qegħdin biex inkunu qrib in-nies fil-verità. Kultant tħoss li klijent mhuwiex interessat la fil-ġustizzja u wisq anqas fil-verità. Inti trid taqdi s-servizz li jitolbok imma ma tistax tikkomprometti la l-verità u lanqas il-ġustizzja. Aħna li aħna qaddejja tal-verità, allaħares nsiru strumenti tal-gidba għaliex inkella mhux biss qed naħlu ż-żmien tagħna imma qed nagħtu servizz ħażin lir-Repubblika.
It-talba tiegħi fuqna u b’mod speċjali fuqkom, filwaqt li nsellem għall-ewwel darba lill-Prim Imħallef il-ġdid, hija li aħna nkunu qaddejja tal-ġustizzja u niddefendu lill-poplu mill-arroganza tal-poter u mill-istrumenti tal-inġustizzja. Dejjem ftakru f’din it-traġedja ta’ Caravaggio mpinġija warajna.
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
-
-