Grupp ta’ nsara fl-Indja bdew kampanja nazzjonali ta’ talb bil-għan li dawk li jfasslu l-liġijiet fil-pajjiż jindirizzaw abbozz ta’ liġi ferm mixtieqa li twaqqaf għal kollox il-vjolenza fil-mira tal-minoritajiet reliġjużi. Dan irrapurtatu l-Aġenzija Missjunarja tal-Aħbarijiet, il-Fides.
Membri tal-Kunsill Nisrani tal-Indja kollha, organizzazzjoni li tippromwovi l-liberta reliġjuża għall-minoritajiet kollha, partikolarment tal-Insara, nediet l-inizjattiva biex titqajjem kuxjenza lejn dik imsejħa l-‘Prevention of Communal and Targeted Violence Bill’.
John Dayal, Segretarju Ġenerali tal-Kunsill, qal lil Fides li din il-liġi hi meħtieġa b’urġenza sabiex “twaqqaf darba għal dejjem il-kampanji ta’ mibgħeda u tirrestawra l-fiduċja fil-minoritajiet”. Proposta mill-Kunsill Nazzjonali iktar kmieni tul l-2011, l-abbozz tal-liġi għad irid jasal quddiem il-Parlament, pero għandu diġa livell għoli ta’ appoġġ minn ħafna gruppi ta’ minoritajiet u anki minn ċittadini fl-Indja. Skond il-Kunsill, il-liġi tkun tħares lejn provvediment ta’ ġustizzja għall-vittmi ta’ vjolenza reliġjuża, tkun ukoll tindirizza kliem ta’ mibgħeda, imġieba ta’ ċensura minn gruppi ta’ estremisti reliġjużi u tkun ukoll qed taħseb biex jinħatru uffuċjali ta’ infurzar tal-istess liġi li jinżammu kontabbli għan-nuqqas taż-żamma tal-ordni, ħielsa mill-vjolenza.