-
-
Il-Ġimgħa, 14 ta’ Ġunju 2019, saret laqgħa ekumenika organizzata minn Christians Together in Malta, il-Kummissjoni Ekumenika Djoċesana u l-MaltaPraise Project. Din saret fit-Teatru tal-Kulleġġ San Alwiġi, f’Birkirkara.
L-għan tal-laqgħa kien li Nsara minn Knejjes u Tradizzjonijiet differenti jinġabru flimkien biex ikantaw innijiet reliġjużi. Ħafna minn dawn l-innijiet kienu mit-Tradizzjoni Riformata, u nqalbu għall-Malti minn Joe C. Aquilina. Ma kienx hemm korijiet, imma l-assemblea kollha kantat flimkien fl-istil ta’ congregational singing.
Saru wkoll riflessjonijiet u talb minn Philip Leone Ganado, li ġej mill-ambjent Kariżmatiku Kattoliku, u minn Rev. Kim Hurst li minn hawn u ftit ieħor se ttemm il-ħidma tagħha bħala minister ta’ St Andrew’s Scots Church, fil-Belt Valletta. Dun Aurelio Mule’ Stagno S.D.B. kien fuq l-orgni.
Fost l-innijiet li tkantaw, kien hemm Be still my soul, Tiġi Saltnatek, Here is Love, Blessed Assurance u Be Thou my vision. Huwa ttamat li fil-futur terġa’ ssir attivita’ oħra bħal din sabiex Insara minn Knejjes differenti u mifrudin jistgħu jitolbu u jfaħħru lil Alla flimkien.