Nhar il-Ħamis, 29 ta’ Novembru 2012, l-Arċisqof Pawl Cremona, flimkien ma’ 19-il-artist żgħażagħ, inawguraw it-tema tas-sena2013 għaż-żgħażagħ permezz ta’ esibizzjoni kollettiva ġewwa Sagrestia Vault, Valletta Waterfront. L-artisti pproduċew xogħlijiet oriġinali fuq l-isem tal-esibizzjoni, INSIDE|OUT, huwa nnifsu ispirat mit-tema tal-2013: “Morru agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha” (Mt 28.19).
L-esibizzjoni hija magħmula minn 20 biċċa xogħol u se tkun miftuħa kuljum bejn 18:00 u 22:00, il-Ħdud bejn 13:00 u 21:00. INSIDE|OUT tibqa’ sejra sal-Ħadd 9 ta’ Diċembru u hija mingħajr ħlas.
Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, l-Onor. Clyde Puli u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Kultura, l-Onor. Owen Bonnici, kienu wkoll preżenti għall-inawgurazzjoni. L-artisti ġew mogħtija ċertifikati ta’ rikonoxximent u Arċisqof Cremona wassal il-messaġġ annwali tiegħu liż-żgħażagħ. Iċ-ċerimonja ġiet fit-tmiem bit-tberika tal-istess artisti u x-xogħlijiet tagħhom waqt li l-arċisqof iddikjara l-esibizzjoni uffiċjalment miftuħa.
INSIDE|OUT ġiet ikordinata mill-Kummissjoni Djoċesana Żgħażagħ. Aktar dettalji, inkluż il-messaġġ sħiħ tal-Arċisqof, jinsabu fuq kdz.org.mt.
Hawn qiegħdin nġibu l-messaġġ tal-Arċisqof Pawlu Cremona O.P f’din l-okkażjoni:
Għeżież żgħażagħ,
Nixtieq ninkoraġġikom biex tiżviluppaw it-talenti tagħkom u timxu ‘l quddiem fil-ħajja billi ma titilfux l-opportunitajiet li s-soċjetà toffri biex tagħmlu dan. Hu ta’ sodisfazzjon għalija li nara uħud minnkom li fil-familja u x-xogħol qegħdin tagħtu l-kontribut tagħkom lis-soċjetà u lill-Knisja, filwaqt li tkomplu tiżvilluppaw il-personalità tagħkom. Lil dawk fostkom li huma iżgħar, ngħidilkom taqtgħux qalbkom, aħdmu ħa taslu kif waslu sħabkom qabilkom.
Fil-visti pastorali fil-parroċċi qed ikolli l-okkażjoni li niltaqa’ ma’ wħud minnkom u nsir naf lilkom u l-aspirazzjonijiet tagħkom. Emmnuni, l-entużjazmu tagħkom jimlieni bl-ferħ u jsiwili ta’ ġid biex inkompli naqdi l-missjoni tiegħi bi spirtu żagħżugħ, kollni ħeġġa u tama fil-futur. Iltqajt ma żgħażagħ ġejjin minn diversi sferi tal-ħajja, u b’interessi differenti. Imma ntbaħt li għandhom xi ħaġa komuni: lil Ġesù f’qalbhom.
Għalhekk xtaqt naqsam magħkom l-esperjenza ta’ xi wħud miż-żgħażagħ. Nistqarr li l-aktar li laqtitni kienet li b’sinċerità u libertà qasmu miegħi l-esperjenzi tagħhom il-bogħod minn Alla u mill-Knisja. Dan huwa parti mill-vjaġġ taż-żgħożija, għax is-soċjetà toffrilna wkoll distrazzjonijiet li jistgħu jbgħeduna minn Alla u l-Knisja tiegħu. Stajt nara fihom il-Fidi ġdida li issa għandhom fi Kristu.
Spjegawli l-ħajja li kienu jgħixu sa ftit ilu, tipika għal żgħażagħ tal-età tagħhom. L-ewwel u qabel kollox kellhom quddiem għajnejnhom li jridu jgawdu l-ħajja kemm jistgħu, sakemm għadhom żgħar, għax iż-żogħżija darba tiġi u hi qasira. Kienu joħorġu kemm jifilħu u jesperjenzaw dak kollu li jaħsbu li jista’ jagħmilhom ferħanin. Nifhimhom għax meta kont ta’ mparhom hekk kont nirraġuna, sakemm ħarist b’mod ġdid lejn il-fidi u ħassejt is-sejħa li nsir saċerdot.
Bqajt skantat meta qaluli li għalkemm kienu qed igawdu l-ħajja, ġewwa fihom kellhom vojt li ma seta’ jimlieh ħadd, hekk li spiss kienu jaqgħu fid-dwejjaq. Qaluli li dan il-vojt imlewh meta sabu lil Ġesù f’ħajjithom. Stajt naqra f’għajnejhom jiddu bil-ferħ, li kienu qed jgħidu l-verità. Insistew miegħi li issa li ltaqgħu verament ma’ Ġesù, xejn ma hu sejjer jifridhom minnu.
F’din is-Sena tal-Fidi nixtieq nara ħafna aktar minnkom iż-żgħażagħ tagħmlu din l-esperjenza ta’ Ġesù, tiltaqgħu miegħu u tħalluh jidħol f’ħajjitkom biex ikollkom “il-ħajja bil-kotra” (Ġw 10, 10). Għax kif qalu xi wħud minn sħabkom, Ġesù biss jista’ jimlilkom ħajjitkom. Nixtieq narakom ferħanin għax ikollkom lil Ġesù f’qalbkom. Ġesù hu l-għajn tal-veru ferħ.
Lilkom iż-żgħażagħ, il-Papa din is-sena għamlilkom stedina speċjali għar-riflessjoni tagħkom: “Morru, għamlu dixxipli mill-ġnus kollha” (Mt 28,19). Din il-proposta tilħaq il-qofol fiċ-ċelebrazzjonijiet tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ f’Lulju li ġej, ġewwa Rio de Janeiro. Iżda l-istedina hija miftuħa għalikom sa minn issa.
Nixtieq inħeġġiġkom biex tkunu evanġeliżżaturi ta’ żgħażagħ oħra. Tiddejqux titkellmu ma’ sħabkom fuq Ġesù u tgħidulhom dwar id-differenza li għamel f’ħajjitkom. Veru li hemm il-periklu li jwaqqgħukom għaċ-ċajt, imma taqtgħux qalbkom għax aktar tard jagħtukom raġun. Ġesù stess jgħinkom, għax daqskemm tistgħu twassluh intom stess għand żgħażagħ bħalkom, ma jista’ ħadd, lanqas is-saċerdoti. Intom tistgħu tkunu l-aqwa xhieda ta’ Ġesù għaż-żgħażagħ sħabkom.
Nagħtikom il-barka tiegħi.
Pawlu Cremona O.P.
Arċisqof ta’ Malta
Agħfas fuq ir-ritratti biex tkabbar. Ir-ritratti tal-attivitajiet tal-Arċisqof jistgħu jinxtraw mill-ħanut PHOTOCITY, il-Belt. Tel: 21236723. Email: [email protected]