• *****

    Direttur: Pete Docter
    Ilħna: Amy Poeher, Phyllis Smith, Bill Hader, Lewis Black, Mandy Kaling, Richard Kind, Kaitlyn Dias, Diane Lane u Kyle MacLachlan

    Ħin tal-Film: 94 min.
    Klassifika taċ-Ċensura: U
    Klassifika tal-Knisja: PG

    Riley hi tifla mwielda ġewwa Minnesota u f’ moħħha hemm ħames manifestazzjonjiet emozzjonali bl-isem ta’: Joy, Sadness, Fear, Disgust u Anger. Dawn jieħdu l-ħajja,  jgħixu fil-moħħ konxju ta’ Riley li hu magħruf bħala l-Kwartier Ġenerali fejn jiġu nfluwenzati l-azzjonijiet u l-memorja ta’ Riley  permezz ta’ console li kien jikkontrolla kollox. Il-memorja tagħha ħi miġbura f’boċċi kuluriti li mbagħad imorru għal ħażna kull darba li Riley tkun imqajjma. L-iktar importanti jinżammu f’parti fiċ-ċentru tal-Kwartieri  u li dawn jirriflettu l-attitudni differenti tal-personalita’  ta’ Riley. Joy ġeneralment tikkontrolla l-emozzjonjiet għalkemm tifħem sew id-diffikulta’ li ssib Sadness. Issa li  Riley għandha tnax –il sena, il-familja jmorru San Francisco fejn il-missier kien sab xogħol aħjar. Joy tibda titħaseb meta Sadness tibda ġġib quddiem għajnejha l-memorji sbieħ li kellha Riley iżda li dawn issa ssiru memorji ta’ dwejjaq. Għalhekk Joy tipprova twarrab kemm tista’ lil Sadness. Sfortunatament, fl-ewwel jum li Riley tmur l-iskola , Sadness iġegħlha tibki quddiem sħabha ġodda tal-klassi  b’riżultat li hawn tinħoloq core ġdida  fil-memorja ta’ Riley, memorja li xejn ma kienet sabiħa. Joy tagħmel minn kollox biex din il-memorja ġdida teliminha qabel ma din isib ruħha fil-core. Fl-attentat li Joy tagħmel biex tikseb il-memorja, kemm hi, Sadness u l-memorja jsibu ruħhom miġbuda ‘l barra l-kwartieri għal ġewwa l-moħħ ta’ Riley. It-tnejn jispiċċaw fil-labarint tal-ħażna tal-memorji fit-tul ta’ Riley. Kif serin jerġgħu lura lejn il-Kwartier?  Sadanittant Anger, Dusgust u Fear, fin-nuqqas ta’ Joy u Sadness jagħmlu ħilithom biex iżżommu lil Riley kuntenta iżda l-attentat tagħhom kellu effett negattiv. Riley bdiet iżżomm distanza mill-ġenituri  tagħha u ħbiebha. X’jiġri minn hawn? Tgħid tinstab xi soluzzjoni biex Riley tiġi f’postha?  Il-qagħda tibda tmur mill-ħazin għall-agħar u tkompli tiggrava hekk kif Riley taħrab mid-dar!

    Film Amerikan bi 3D,  animat u komputerizzat b’sengħa kbira minn Pixar Animation Studios.  Il-film, taħt id-direzzjoni ta’ Pete Docter, idaħħalna fil-moħħ ta’ tifla ta’ ħdax –il sena hekk kif issib ruħha f’ambjent differenti. Minħabba li l-istorja tal-film hi xi ftit jew wisq tqila biex tifhima, ikun tajjeb li t-tfal ikunu akkompanjati minn xi adult.