• L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

     

  • Il-Knisja Parrokkjali ta’ San Sebastjan, Ħal Qormi
    20 ta’ Jannar 2019

    It-titlu ta’ glorja ta’ San Bastjan, li aħna qegħdin niċċelebraw is-solennità liturġika tiegħu, huwa li nafuh bħala Sebastianus Cristianus. Dan kien it-titlu tal-kundanna tiegħu. Ir-Rumani kellhom l-użanza li meta jikkundannaw lil xi ħadd, kemm għat-tislib u kif ukoll għall-mewt bil-vleġeġ, kienu jwaħħlu biċċa njama u fuqha jiktbu l-kundanna l-għaliex din il-persuna qatgħuhielha għall-mewt. Fil-każ ta’ Ġesù, pereżempju, it-titlu tal-kundanna kien li hu sejjaħ lilu nnifsu bħala s-Sultan tal-Lhud u allura kitbu Ġesù Nazarenu, jew ta’ Nazaret, Sultan tal-Lhud. Dik li aħna nsejħulha l-INRI (Iesus Nazarenus Rex Iudaeorum) u li fil-Ġimgħa l-Kbira naħsbu iżjed fuqha.


    L-eżempju tal-qaddisin

    Fl-ikonografija, jiġifieri fix-xbihat kollha ta’ San Sebastjan insibu t-titlu tal-kundanna tiegħu b’mod speċjali fl-ewwel martirju tiegħu li suppost kellu jwasslu għall-mewt: Sebastianus Cristianus. Għax fi żmienu, li tkun Nisrani kienet mifhuma bħala tradiment kbir, b’mod speċjali jekk tkun il-bodyguard tal-imperatur fil-gwardja Pretorjana. San Bastjan xehed l-imħabba tiegħu lejn Ġesù billi għal darbtejn ġie kkundannat għall-martirju. It-tradizzjoni antika tgħidilna li ma mietx bil-vleġeġ imma ġie salvat minn nisa twajba tal-komunità Nisranija ta’ Ruma li ġabruh wara l-flaġell, imma mbagħad inqatel bis-swat.

    San Bastjan għażel li jkun ta’ Ġesù u għex il-magħmudija tiegħu.

    Għalih din il-kundanna kienet motiv ta’ glorja; għażel li jkun Nisrani. San Bastjan għażel li jkun ta’ Ġesù u għex il-magħmudija tiegħu. Sar Nisrani jew Cristianus, bis-Sagrament tal-Magħmudija. Fi żmienu l-magħmudija kienet issir meta wieħed jikber u jgħaddi minn xhur jekk mhux snin ta’ tħejjija (dak li aħna nsejħulu l-katekumemat) u mbagħad fil-magħmudija kienu jinżlu tliet tarġiet u jindifnu fl-ilma u għal tliet darbiet jergħħu jirxuxtaw “fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu”. Għax in-Nisrani, kif jgħidilna San Pawl, għad-dinja tad-dnub, tal-frugħa u tal-ħażen imut fi Kristu, imma jirxoxta fi Kristu għad-dawl veru li jġib il-paċi u l-ferħ tassew. 

    F’ambjent ostili li donnu kien jeżalta r-regħba u l-idolatrija, Sebastjan għażel id-dawl ta’ Kristu; Sebastjan għażel l-istat tiegħu ta’ lajk, anzi ta’ suldat fl-imperu u ta’ wieħed mill-gwardji Pretorjani, jgħix il-ħajja bbażata fuq is-smigħ tal-Kelma u fuq l-Ewkaristija. Immaġinaw lil Sebastjan mhux liebes ta’ suldat imma liebes il-ħwejjeġ komuni, jissieħeb ma’ sħabu l-Insara, jisma’ l-Kelma ta’ Ġesù u jitqarben. Il-qaddisin tagħna jressquna lejn ħajja Nisranija bl-eżempju tagħhom.

    Waħda mill-affarijiet li rridu noqgħodu attenti għaliha llum hija t-tentazzjoni li kulħadd jaħseb għal rasu.

    Il-liturġija tal-Knisja donnu għandha ħsieb speċjali fil-festa ta’ San Sebastjan. Ejjew nobdu lil Alla iżjed milli nobdu lill-bnedmin. Tgħiduli dan xi tfisser għalina llum? Ħafna drabi d-dinja tgħallimna l-modi tagħha. Waħda mill-affarijiet li rridu noqgħodu attenti għaliha llum hija t-tentazzjoni li kulħadd jaħseb għal rasu. Għall-grazzja ta’ Alla, aħna l-Maltin u l-Għawdxin għadna nħossu għal min hu fil-bżonn. Dak huwa li jagħmlilna ġieħ: li meta bniedem ikun fil-bżonn, aħna min aħna, ma nagħlqux qalbna. Jalla nibqgħu hekk!


    Il-pesta u l-mard qerriedi tal-lum

    San Sebastjan jgħallimna li l-vuċi ta’ Alla se tagħtina l-akbar paċi u bl-eżempju tiegħu ħajjar oħrajn biex jissieħbu miegħu u jsiru Nsara. Fil-ħabs ta’ Nikostratu, kif ngħidu fl-innu, ipprietka l-Kelma ta’ Alla. Ma beżgħax jixhed għal Ġesù. Kien suldat qalbieni mhux biss f’din id-dinj aimma anke meta jissielet kontra l-ħażen u d-dnub. Il-flaġelli li sofra fl-ewwel martirju tiegħu pproponewh bħala patrun tal-mard qerriedi tal-pesta u ta’ mard ieħor li jittieħed. 

    Ejjew inkunu onesti! Xi ħaġa li toqtlok ma tistax tgħidilha rikreattiva!                 

    Imma l-aħwa, ma ninsewx li anke l-vizzju u d-dnub jittieħdu. Ħa nieħdu l-vizzju tad-droga. Kemm jagħmel pjagi fis-soċjetà tagħna? Kemm ikisser żgħażagħ u familji?  Kull epoka għandha l-pjagi u l-pesti tagħha. Illum inħoss li d-droga u l-użura huma pjagi li hemm bżonn mhux biss niġġildulhom imma ngħelbuhom, bħalma huwa wkoll il-logħob tal-azzard. Dawn huma kollha affarijiet li wegħduk il-pjaċir, imma joqtluk, ifaqqruk u kkissruk. Il-pesta toqtol imma dawn joqtlu wkoll.

    Hemm bżonn nitolbu l-interċessjoni ta’ San Sebastjan biex jiftħilna għajnejna għall-pesti tal-epoka tagħna, għall-flaġelli li jhedduna u jagħtina l-qawwa niqfulhom u niġġildulhom flimkien. Ma noqgħodux nilgħabu bil-kliem: xi ħaġa li tkissrek mhijiex rikreattiva, kemm jekk tkun logħob tal-azzard u kemm jekk tkun droga. Ma nilgħabux mal-kliem! Ejjew inkunu onesti! Xi ħaġa li toqtlok ma tistax tgħidilha rikreattiva! Xi ħaġa rikreattiva suppost terġa’ toħolqok mill-ġdid u mhux tagħmillek id-deni. Ħafna drabi l-pesta tidħol bl-ingann. Nitolbu lil San Sebastjan jeħlisna mill-inganni. Ejjew ukoll ma nagħlqux qalbna għal xulxin. Il-qaddisin ma beżgħux mill-kattiverja tal-bnedmin imma għażlu lil Alla, għażlu s-sewwa.


    Xi jfissru l-purċissjonijiet u l-istatwi tal-qaddisin? 

    Aħna nġbarna hawn fil-festa tiegħu din is-sena biex ukoll nifirħu fl-anniversarju tal-ewwel purċissjoni bl-istatwa sabiħa u meqjusa li għamel Ġorġ Borg. Din l-istatwa ħarġet purċissjonalment fil-parroċċa tagħna 75 sena ilu. Imma xi tfisser li aħna nagħmlu l-purċissjonijiet bl-istatwi? Għax San Sebastjan, sabiħ kemm tridu, tal-injam kien u tal-injam ser jibqa’. Inutli nivvenera l-injama imma mbagħad f’qalbi nobgħod lil xi ħadd? Inutli nivvenera lil San Sebastjan u mbagħad nuża’ kliem ta’ disprezz għal qaddisin oħrajn. Ħa ngħidha kif inhi għax intom tafuni biżżejjed u aħna l-Qriema l-ħaġa ngħiduha mill-ewwel u ma ndurux mal-lewża. Ma tistax tkun devot ta’ San Sebastjan u tgħajjar lil San Ġorġ!

    Inutli nivvenera lil San Sebastjan u mbagħad nuża’ kliem ta’ disprezz għal qaddisin oħrajn.

    Għaliex dawn it-tnejn qegħdin jagħtu glorja lil Alla flimkien. Vera li mbagħad għamlet ix-xita imma kemm kienet sabiħa li l-baned kollha tar-raħal inġabru biex jagħtu qima lil San Sebastjan li fost il-Qriema dejjem kellu devozzjoni kbira. Meta kienet tiġi l-pesta, l-ewwel li nlaqqtugħha konna aħna l-Qriema. Dan minħabba l-Marsa u l-portijiet qrib.

    Għalhekk dan il-patrun jgħallimna li l-ewwel nett l-imħabba mhijiex lejn l-istatwa, għax l-istatwa la tisimgħek u lanqas tkellmek, għax inkella naqgħu fl-idolatrija. L-istatwa tfakkrek fix-Xirka tal-Qaddisin u f’San Sebastjan li hu ħaj fil-ġenna. U għalhekk aħna ninċensaw ix-xbiha imma mhix l-istatwa se tkellmek, mhix l-istatwa li se tkellmek, imma l-qaddis li qiegħed igawdi lil Alla u li l-istatwa mbierka, qaddisa u għażiża tfakkrek fih. 

    Il-purċissjoni imma tfakkarna li aħna qegħdin f’mixja mhux weħidna, imma flimkien.

    Il-purċissjoni imma tfakkarna li aħna qegħdin f’mixja mhux weħidna, imma flimkien. Ħaġa sabiħa li jkollna l-purċissjonijiet li aħna tant ngħożżu, jibdew mill-knisja u jwassluna għall-Knisja. Qishom bħar-ruħ tagħna, li titwieled fit-tnissil u frott l-imħabba tal-ġenituri tagħna u bir-rieda ta’ Alla u tixxennaq     li fl-aħħar tal-purċissjoni tistrieħ fi ħdan Alla. B’xi mod il-pruċissjoni hija xbieha ħajja tal-ħajja tagħna. Kemm hi sabiħa li fis-soċjetà u fit-toroq tagħna għad għandna spazju spazju għal dawn l-espressjonijiet ta’ fidi. Jekk ikunu espressjonjiet ta’ pika, ta’ nkejja jew ta’ mibegħda, allura nsiru tad-daħk, karikatura. Jalla l-purċissjonijiet tagħna jkunu okkażjoni u espressjoni ta’ fidi.

    Nitlob jiena l-interċessjoni ta’ San Sebastjan biex inaddaf fil-qlub tagħna dak kollu lil Alla ma jogħġbux meta niċċelebraw il-festa tiegħu. Tagħmel sens għalik li tagħmel festa għal qaddis u tbiegħ id-droga? Tagħmel sens li tagħmel festa għal qaddis u tidgħi dagħa invażat? Jew inkella fl-okkażjoni tal-festa noħorġu l-lanżit għal xulxin? Le, ma tagħmilx sens! U allura aħna rridu naħdmu fuqna nfusna biex dak li hu sabiħ jibqa’ u jsir tassew sabiħ. U lill-qaddisin  nagħtuhom glorja u mhux kedda. Xi kultant nimmaġina lil San Ġorġ u San Bastjan fil-ġenna jgħidu lil xulxin: ‘Ħa naraw x’ser jivvintaw illum f’isimna!’ Imma aħna tajjeb li nevitawilhom din il-kedda ta’ kuljum għax inkella l-qaddisin fil-ġenna jgħidu li ġejja kedda oħra. Apparti l-kedda lill-arċipriet u lill-kappillan, ejjew nifirħu bil-qaddisin u nferrħu lil xulxin. Lil San Sebastjan nitolbuh ħafna jħares liż-żgħażagħ u lill-familji tagħna.

    Nieħu l-opportunità nsellem lil kull min qed isegwina permezz tar-radju Bastjaniżi FM u nirringrazzja wkoll lill-Fondazzjoni U il  li qed twassal din ix-xandira fuq it-televiżjoni. Insellem ukoll lil kull min qiegħed isegwina minn madwar id-dinja kollha. Illum għall-grazzja ta’ Alla permezz tas-social media, iċ-ċelebrazzjoni tagħna jistgħu jsegwuha f’pajjiżi oħra. Kemm hi ħaġa sabiħa! Ejjew nirringrazzjaw lil Alla tal-progress u l-ġid li qegħdin ingawdu. Ejjew nitolbu biex ingawduh fil-paċi bejnietna u b’qalb kbira u nitolbu lil San Sebastjan biex jiftħilna għajnejna mill-inganni u jeħlisna minn kull pesta qerrieda.

    Viva San Sebastjan!

     Charles J. Scicluna

        Arċisqof ta’ Malta

     

  •  

  • Ritratti: knisja.mt/ritratti