Is-Seminarju tal-Arċisqof ser ikun qiegħed jinvesti aktar biex jgħolli l-livell tal-formazzjoni tas-saċerdoti bit-tnediha tal-Fond Mortimer & de Giorgio, ad unur il-periti Arthur Stuart Mortimer u Roger de Giorgio li kienu l-periti tas-Seminarju fis-snin 50. Is-Seminarju diġa għandu l-Fond Solidarjetà li permezz tiegħu jassigura li kull seminarista jkollu esperjenzi formattivi barra minn Malta. Permezz tal-Fond Mortimer & de Giorgio qed jiżguraw li l-bini joffri ambjent sigur u adatt għall-istudju u t-talb. L-ewwel inizjattiva b’risq dan il-proġett ser ikun il-Kunċert “Celebrating Mercy: il-Kunċert tas-Sena tal-Ħniena” li ser jittella fl-1 ta’ April, ġewwa s-Santwarju Ħniena Divina, In-Naxxar, fis-7:30 p.m. mtella’ mis-St Paul Choral Society bil-parteċipazzjoni tas-Solisti Rosabelle Bianchi u Charles Buttigieg.
Il-bini li bħalissa jospita s-Seminarju ġewwa tal-Virtù r-Rabat inbena fis-snin 50 u sal-1973 kien jospita l- Mater Admirabilis Training College. Illum dan il-bini, li għandu 62 sena, jeħtieġ manutenzjoni b’mod speċjali fil-livelli residenzjali u fil-Kappella Ċentrali.
Matul is-snin saru diversi xogħolijiet f’partijiet differenti tal-bini estensiv madanakollu jeħtieġ li aktar minn 80 kamra residenzjali jiġu rranġati għal-livelli tal-ġurnata tal-lum.
Ix-xogħlijiet ser ikun jinkludi t-tibdil tas-sistema kollha tal-ilma, titjib tal-faċilitajiet fi 33 kamra residenzjali tas-Seminaristi, ristrutturar sabiex 3 minnhom ikunu aċċessibli għal persuni bi bżonnijiet speċjali, b’diversi xogħolijiet ta’ madum, kisi, sistema adegwata ta’ drenaġġ u dawl.
“L-iskop tagħna, saħaq Fr Jimmy Bonnici, Rettur tas-Seminarju, hu li naggornaw mar-regoli ta’ saħħa, aċċessibilita u sigurtà, u b’hekk nassiguraw li, matul is-seba’ snin ta’ formazzjoni li s-Seminaristi jqattgħu hawn, huma jkollhom l-ambjent neċessarji għall-istudju u r-riflessjoni filwaqt li jkun immarkat bi spirtu ta’ sempliċità.
Apparti minnhekk il-fond ser ikun qiegħed jintuża sabiex il-Kappella Ċentrali tas-Seminarju jsirilha xogħol ta’ manutenzjoni fi ħsarat li hemm fis-saqaf u fil-faċċata, tinbidel is-sistema antika tad-dawl biex jiġu evitati perikli u wara għexieren ta’ snin tingħata tibjida tant bżonjuża. Fr Bonnici stqarr li dan il-post hu l-qofol tas-Seminarju u jeħtieġ li jkun wieħed akkolljenti u ta’ għajnuna għar-riflessjoni, it-talb u l-liturġija.
Hu stmat li l-investiment għal din l-ewwel fażi tilħaq €700,000 fil-manutenzjoni u l-ristrutturar tal-bini tas-Seminarju bl-iskop li jgħolli l-livell tal-formazzjoni tas-saċerdoti.