L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Sant’Andrija kien sajjied minn Betsajda fil-Galilija, flimkien ma’ ħuh Pietru. Fl-Evanġelju qrajna din is-silta meta Ġesù jsejħilhom biex minn sajjieda jagħmilhom “sajjieda tal-bnedmin”. Imma fl-Evanġelju ta’ San Ġwann (Ġw 1:35-42) għandna rakkont sabiħ ħafna meta jkun hu, Indrì, li jiltaqa’ ma’ Ġesù. Kien dixxiplu ta’ Ġwanni l-Battista, u meta dan uriehom lil Ġesù u qalilhom “Araw il-Ħaruf ta’ Alla”, hu mexa warajh, qagħad miegħu, għarfu bħala l-Messija. San Ġwann jgħid li “l-ewwel ma għamel” mar jgħid lil ħuh Pietru, u li Pietru laqqgħu ma’ Ġesù. Qallu: “Sibna l-Messija”. Indrì hu meqjus bħala l-ewwel fost id-dixxipli, għax kien hu li għarfu bħala l-Messija, imbagħad mar mal-ewwel jgħid lil Pietru, li Ġesù ’l quddiem kellu jagħżlu bħala l-mexxej tal-Knisja.
Li jolqtok hu kemm Indrì ma tantx jissemma. Fil-fatt fl-Evanġelju hemm ftit okkażjonijiet fejn jissemma. Darba minnhom jissemma flimkien ma’ Pietru, Ġakbu u Ġwanni (Mt 13:3) meta l-erbgħa li huma staqsew lil Ġesù x’ried jgħid biha li t-tempju ma jibqagħlux ġebla fuq oħra – dak id-diskors dwar it-tmiem. Imbagħad insibu żewġ okkażjonijiet ukoll fejn hu jressaq lil xi ħadd għand Ġesù. Darba minnhom, fir-rakkont tal-miraklu tat-tkattir tal-ħobż, meta lil Ġesù qallu: “Hawn tfajjel li għandu ħames ħobżiet tax-xgħir u żewġ ħutiet żgħar” (Ġw 6:8); dakinhar Indrì kellu dubju x’seta’ jagħmel b’dawn, qal “dawn x’inhuma għal daqshekk nies?”, imbagħad wara naturalment fehem meta Ġesù bidilhom f’abbundanza għal ħafna. Imbagħad kienu hemm darb’oħra wkoll meta hu, flimkien ma’ Filippu, ressaq lil xi nies Griegi li qalu “Nixtiequ naraw lil Ġesù” (Ġw 12:22). Qisu dejjem insibuh iressaq lin-nies għand Ġesù.
Wara l-qawmien ta’ Ġesù u t-tlugħ tiegħu fis-sema, narawh flimkien mal-appostli l-oħra u ma’ Marija fiċ-ċenaklu. U wara Għid il-Ħamsin, ikun wieħed minn dawk li, kif smajna fil-kelma ta’ Alla, mar ixandar l-Evanġelju f’tant postijiet oħra. Hemm min jgħid li wasal sal-Ukrajna u sar-Russja. Nafu żgur li kellu din il-ħeġġa li rajna fl-Evanġelju li jwassal lill-oħrajn għand Ġesù, u kompla dan ma’ tant nies oħra. Miet martri, imsallab. It-tradizzjoni tgħid li hu qalilhom li ma kienx jistħoqqlu jkun imsallab bħal Ġesù; għalhekk is-salib tiegħu forma ta’ X, u ngħidulu s-salib ta’ Sant’Andrija. Flok sammruh bl-imsiemer mas-salib, rabtuh, u għalhekk kellu agunija twila.
X’jgħallimna Sant’Andrija għall-ħajja tagħna? Insemmi żewġ affarijiet li huma importanti għal ħajjitna. L-ewwel nett, jgħinna biex aħna wkoll lil Ġesù nagħrfuh bħala l-Messija, is-Salvatur tagħna, u l-ħabib tagħna. Din il-ħbiberija miegħu narawha fl-Evanġelju. Sant’Andrija għaraf lil Ġesù bħala dak li hu fidil lejh, iħobbu; u hu wkoll baqa’ fidil lejh sal-aħħar, sal-martirju, spiċċa msallab bħal Ġesù. Għalhekk lilna jgħinna biex ikollna din il-ħbiberija ma’ Ġesù li hu dak li jsalvana.
Imbagħad ukoll tolqtok karatteristika tiegħu: kif hu lin-nies jeħodhom għand Ġesù. Ibda minn ħuh Pietru. Fil-fatt San Ġwann Krisostmu jgħid li kif għaraf lil Ġesù bħala t-teżor, mar mal-ewwel għandu ħuh biex jaqsam miegħu dan il-ġid; għax lil ħuh riedlu wkoll ħafna ġid meta ħadu għand Ġesù. U kompla jagħmel hekk kif rajna fl-Evanġelju u fil-missjoni tiegħu bħala appostlu. Għalhekk dan hu importanti għalina, li l-Mulej jagħtina l-ħeġġa biex aħna naqsmu t-teżor mal-oħrajn billi ngħinuhom jersqu lejn Ġesù. Il-Papa Franġisku jsemmi din bħala ħaġa importanti ħafna għalina llum bħala Nsara, li aħna ma nkunux kuntenti biss li nsibu aħna lil Ġesù jimla l-qalb tagħna, imma ngħinu lill-oħrajn jersqu lejh. Li tolqtok f’Sant’Andrija hu li jressaq lin-nies għand Ġesù u jisparixxi mix-xena. Aħna wkoll, m’hemmx għalfejn nidħlu aħna fix-xena; meta nressqu lin-nies, mhux biex jibqgħu għandna, imma biex jaslu għand Ġesù u hemm isibu tassew il-milja tal-ħajja tagħhom.
Nitolbu bl-interċessjoni ta’ Sant’Andrija, biex ikollna dan l-ispirtu tiegħu sabiħ: li nagħrfu lil Ġesù bħala dak li jsalvana, bħala ħabib qrib tagħna; u ngħinu wkoll lin-nies biex jersqu lejn Ġesù ħalli fih isibu tassew is-Salvatur, il-milja għall-ħajja tagħhom.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju