Is-Segretarjat Assistenza Soċjali (SAS) tal-Azzjoni Kattolika Maltija se jorganizza l-Ġimgħa ta’ Sagrifiċċju, bejn Jum id-Duluri, fil-31 ta’ Marzu u l-Ġimgħa l-Kbira fis-7 ta’ April 2023.
Għall-kampanja ta’ din is-sena ġiet magħżula t-tema “Iddawwarx Spallejk” li hi meħduda mis-silta mill-Evanġelju ta’ San Mattew; “Agħti lil min jitolbok u ddawwarx spallejk lil min ikun irid jissellef mingħandek (Mt 5:42)”. Ġew magħżulin dawn iż-żewġ kelmiet, għax minkejja li mhumiex wisq kliem, ifissru ħafna. Din it-tema qed tappella lill-pubbliku biex ma jinjorax lil min hu fil-bżonn, imma nagħtu kas u naraw kif nistgħu ngħinu.
Il-Ġimgħa ta’ Sagrifiċċju għandha l-iskop li tqajjem kuxjenza fost il-poplu Malti għar-responsabbiltà li għandna lejn kull min ikun għaddej minn xi forma ta’ tbatija, speċjalment dawk foqra ekonomikament. Matul din il-ġimgħa, is-Segretarjat Assistenza Soċjali tal-AKM jappella għall-ġenerozità tal-poplu biex is-servizz tiegħu lil ħutna fil-bżonn jibqa’ għaddej hekk kif bħalissa l-bżonn kiber u jinħass ħafna.
Is-servizzi tas-SAS huma ħafna, fosthom nistgħu nsemmu li jagħtu għajnuna u sapport emozzjonali, soċjali u finanzjarja f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza imma fl-istess ħin, bl-għajnuna tas-social workers tagħhom, isir counselling u jingħata servizz ippersonalizzat sabiex jgħinu biex l-istess persuni jużaw il-ħiliet tagħhom għal ġid tagħhom stess biex isiru dejjem aktar independenti. Jiġu organizzati laqgħat ta’ taħriġ u formazzjoni għall-voluntiera sabiex tkompli tissaħħaħ il-ħidma fil-komunità u fil-parroċċi u biex ikompli jinħoloq l-għarfien fis-soċjetà dwar l-importanza tal-ġustizzja soċjali. Is-SAS għandu wkoll minibuses bit-tail-lift biex ikunu ta’ servizz għal dawk l-anzjani u persuni b’diżabbiltà li ma jistgħux joħorġu mingħajr trasport adegwat għalihom. Dan is-servizz hu imprezzabbli u ta’ wens kbir għal min jinsab waħdu. Is-SAS hija responsabbli ukoll ta’ proġetti soċjali bħas-servizz ta’ akkoljenza għall-persuni foqra u bla saqaf fuq rashom f’Dar Pier Giorgio Frassati f’Ħal Qormi u servizz ta’ akkomodazzjoni soċjali temporanju f’Dar Reġina Pacis, f’Ħal Balzan.
Din l-inizzjattiva hija appoġġjata mill-Arċidjoċesi ta’ Malta u matul dik il-ġimgħa l-ġabra waqt il-quddies tmur għal dan l-iskop. Numru ta’ dipartimenti tal-gvern u skejjel jipparteċipaw ukoll f’din il-kampanja ta’ ġbir ta’ fondi. Donazzjonijiet personali jistgħu isiru direttament mas-Segretarjat Assistenza Soċjali.
Il-fondi li jinġabru matul il-Ġimgħa ta’ Sagrifiċċju se jkunu jistgħu jgħinu ammont kbir ta’ nies matul is-sena kollha. Sfortunatament it-talbiet għall-għajnuna dejjem qed jiżdiedu u x-xewqa tas-SAS hi li l-ħidma ma’ dawn il-persuni fil-bżonn u fis-soċjetà Maltija titkompla u tissaħħaħ.