• Fl‑okkażjoni tal‑Jum Dinji tal‑Ippjanar (8 ta’ Novembru 2017), il‑Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent (KA) waqt li tirrifletti fuq il‑qagħda preżenti tal‑ippjanar tal‑iżvilupp fil‑pajjiż, tinsab imħassba, bħalma ilha għal dawn l‑aħħar snin, dwar id‑direzzjoni li ħa l‑ippjanar f’Malta. Jekk ma naħsbux għall‑ġid tal‑ġenerazzjonijiet tal‑ġejjieni minn issa, inkunu qed nirriskjaw li ninsew anke lil dik preżenti, u nagħtu l‑barka impliċita jew espliċita lil min hu b’saħħtu biex jgħaffeġ fuq id‑drittijiet tal‑batuti u tal‑vulnerabbli. B’dan il‑mod, l‑istituzzjonijiet ikunu fallew kemm lill‑ġenerazzjonijiet futuri u kemm dik preżenti.

    Komunitajiet li qed jintesew

    Jidher li l‑mod kif qed isir l‑ippjanar f’Malta qiegħed aktar jiffavorixxi lill‑iżviluppatur milli lill‑komunità iktar wiesgħa fejn ikun se jseħħ l‑iżvilupp. Din ix‑xejra ħarġet ċara fit‑tħejjija tal‑masterplan oriġinali ta’ Paceville, li ġie mwarrab biss wara protesti mqanqla. Il‑bini għoli li tiela’ ġo nofs żoni urbani huwa wkoll effett ta’ dan il‑mod ta’ ppjanar.

    Pubblikazzjoni ta’ pjani lokali riveduti

    Waqt li telgħin it‑torrijiet fil‑qalba tal‑komunitajiet tal‑Ġżira u Tas‑Sliema, il‑pjani lokali riveduti li għandhom ipoġġu lill‑komunitajiet fiċ‑ċentru tal‑ippjanar għadhom mhumiex ippubblikati, minkejja n‑numru ta’ stqarrijiet minn Ministru tal‑Ippjanar wara l‑ieħor. Sadanittant, qed isiru reviżjonijiet parzjali fuq dawk eżistenti li qed ibiddlu ftit ftit żoni differenti tal‑pjani lokali eżistenti. Ftit nies, jekk hemm min, ikunu kapaċi jagħrfu l‑konsegwenzi ta’ dawn it‑tibdiliet fit‑totalità tagħhom. Il‑KA tappella lill‑Awtorità tal‑Ippjanar biex tniedi minnufih eżerċizzju ħalli jiġu identifikati u indirizzati l‑każijiet li jista’ jkun hemm ta’ kunflitti bejn policies tal‑ippjanar u bejn dawn il‑policies u l‑pjani ta’ żvilupp, inklużi l‑pjani lokali. Kunflitti ta’ dan it‑tip jagħtu lok għal interpretazzjonijiet differenti u għandhom jiġu minimizzati f’qafas serju ta’ ppjanar.

    Wegħdiet ta’ qabel l‑elezzjoni

    Wieħed isaqsi jekk it‑tkaxkir tas‑saqajn fil‑pubblikazzjoni tal‑pjani lokali riveduti hux riżultat ta’ wegħdiet li saru qabel l‑elezzjoni lil diversi individwi biex jiġu estiżi ż‑żoni tal‑iżvilupp, liema wegħdiet issa qed jidhru li ma jistgħux jitwettqu mingħajr ma jikkompromettu l‑ispjazji miftuħa li għad baqa’ fil‑pajjiż. Wieħed jieħu l‑impressjoni li l‑Gvern qed joqgħod lura milli jippjana, u qed iħalli l‑ambjent urban u naturali jiġi sfruttat mill‑iżviluppaturi bl‑inqas kontrolli possibbli. Dawn il‑policies qed jagħmlu ħsara kbira fl‑ambjenti urbani u rurali.  Filwaqt li hawn ftit nies li qed igawdu, oħrajn qed isofru minħabba t‑tgawdija ta’ dawn il‑ftit. Il‑ħtieġa li jinbidlu dawn il‑policies hija waħda urġenti ħafna.

    Il‑Kostituzzjoni u l‑ambjent

    Il-KA temmen li m’hemmx bżonn ta’ Konvenzjoni Kostituzzjonali biex jiġu ppubblikati l‑pjani lokali li ma jestendux iż‑żoni tal‑iżvilupp, u li juru kif il‑komunitajiet se jkunu moqdija b’ippjanar aħjar. M’hemmx bżonn ta’ bidla fil‑Kostituzzjoni biex il‑Gvern ma jħallix li jsir bini f’żoni li huma ’l barra miż‑żoni tal‑iżvilupp. Ikun għalxejn li l‑Gvern jgħid li mhux se jagħmel żviluppi tiegħu f’żoni li huma ’l barra miż‑żoni tal‑iżvilupp, meta fl‑istess nifs iħalli lis‑settur privat jagħmel dan.

    Il‑patrimonju nazzjonali mhuwiex prijorità

    Il-KA stqarret iktar minn darba li l‑Awtorità għar‑Riżorsi u l‑Ambjent, u s‑Sovrintendenza tal‑Patrimonju Kulturali għandhom jingħataw il‑veto f’deċiżjonijiet dwar applikazzjonijiet għal żvilupp li jaqgħu taħt il‑kompetenza tagħhom. Madankollu, il‑KA jidhrilha li t‑twaħħid tad‑drittijiet tal‑individwu mal‑protezzjoni ta’ siti storiċi, kif esprima ruħu s‑supretendent tal‑Patrimonju Kulturali dan l‑aħħar, iwassal biex il‑pajjiż jitlef, ftit ftit, ħafna mis‑siti ta’ importanza li għadhom ma ġewx skoperti u li jistgħu ikunu protetti. F’dan il‑kuntest, il‑KA tappella għal tibdil fil‑proċess tal‑applikazzjonijiet għall‑permessi tal‑iżvilupp biex din il‑protezzjoni tiġi garantita.

    L‑importanza ta’ informazzjoni, li tagħmel sens u li tkun pubblika, għat‑tfassil tal‑pjani u policies

    Il-KA tinnota b’sogħba li l‑pjani u policies mhux qed ikunu mfassla fuq viżjoni li hija msejsa fuq il‑ġid komuni u li tkun infurmata b’fatti ċari li jagħmlu sens u li huma meħtieġa għal ippjanar tajjeb u għall‑implimentazzjoni tal‑istess pjani u policies. Għalhekk għal darb’oħra, tappella lill‑Gvern biex jagħmel studju dwar il‑propjetà u jara li dan ikun aġġornat kull sena. L‑istudju propost mill‑KA għandu jara jekk l‑iżvilupp li għaddej bħalissa hux tabilħaqq joħloq bużżieqa li jkollha konsegwenzi serji meta tinfaqa’, u jekk il‑Programm taċ‑Ċittadinanza b’Investiment (IIP) u possibilment attivitajiet ta’ ħasil ta’ flus qed jikkontribwixxu għall‑inflazzjoni tal‑prezzijiet tal‑propjetà fil‑pajjiż. L‑istudju għandu jindirizza wkoll ix‑xejriet demografiċi, id‑domanda għal spażji industrijali, kummerċjali u uffiċini li l‑pajjiż għandu bżonn biex jissodisfa d‑domanda vera ta’ setturi ekonomiċi ġodda jew oħrajn li qed jespandu, flimkien mar‑riskji marbutin mal‑fatt li l‑pajjiż iserraħ fuq it‑tkabbir ta’ ċerti setturi minflok fuq oħra.

    L‑istituzzjonijiet għandħom jaħdmu għall‑ġid komuni

    Hemm diversi istituzzjonijiet fil‑pajjiż li għandhom x’jaqsmu mal‑ippjanar tal‑iżvilupp għat‑tgawdija tal‑ġenerazzjonijiet ta’ issa u tal‑ġejjieni. F’dan ir‑riġward, l‑Awtorità tal‑Ippjanar, l‑Awtorità għar‑Riżorsi u l‑Ambjent, l‑Awtorità tal‑Artijiet, l‑Uffiċċju tal‑Avukat Ġenerali u l‑Parlament huma l‑istituzzjonijet ewlenin li jagħtu artijiet pubbliċi, jirregolaw l‑użu tagħhom u jiżguraw li l‑kundizzjonijiet tal‑għoti tal‑art u tal‑permessi tal‑iżvilupp ikunu rispettati. Ma jistax ikun hemm amministrazzjoni tajba tal‑art pubblika mingħajr ma jkun hemm trasparenza totali u rispett lejn il‑liġijiet, fejn dawk kollha li jitfgħu offerta għal art pubblika ikunu trattati ndaqs. L‑Awtorità tal‑Ippjanar, l‑Awtorità għar‑Riżorsi u l‑Ambjent, l‑Awtorità tal‑Artijiet, l‑Uffiċċju tal‑Avukat Ġenerali u l‑Parlament għandhom jiżguraw trasparenza totali u rispett lejn il‑liġijiet, fejn dawk kollha li jitfgħu offerta għal art pubblika ikunu trattati ndaqs. Il-KA tappella lil professjonisti kollha f’dawn l‑istituzzjonijiet biex iwettqu r‑responsabilitajiet tagħhom lejn il‑ġenerazzjonijiet preżenti u futuri, u jirreżistu kull pressjoni li jbiddlu l‑opinjoni professjonali tagħhom għal raġunijiet li mhux dejjem ikunu jidhru validi. F’dan il‑kuntest, huwa d‑dmir ta’ min jieħu d‑deċiżjonijiet fl‑istituzzjonijiet, u tal‑Gvern li jiżguraw li dawk il‑konsulenti li jagħtuhom parir ma jkollhomx kunflitt ta’ interess li jista’ jinfluwenza ħażin il‑parir li jkunu qed jagħtu.

    Il‑KA tħeġġeġ lill‑Uffiċċju tal‑Gwardjan għall‑Ġenerazzjonijiet tal‑Ġejjieni biex isemma’ leħnu b’mod qawwi favur il‑ħarsien tal‑ambjent għall‑ġenerazzjonijiet futuri. Fuq kollox il-KA hija ħerqana għal stqarrija mill‑Gvern li permezz tagħha jiċċara kull dubju li jista’ jkun hemm dwar SmartCity. Fil‑media ġew imxandra xi allegazzjonijiet dwar dan il‑proġett, iżda ma jidhirx illi kien hemm xi stqarrija uffiċjali li tirribatti dak li ġie mxandar.

    Twessiegħ ta’ toroq u l‑ħarsien tas‑siġar

    Il‑Kummissjoni Ambjent mill‑ġdid tappella lill‑awtoritajiet biex jagħtu priorità lill‑protezzjoni tas‑siġar fil‑proġetti ta’ twessiegħ ta’ toroq. Min‑naħa l‑oħra, it‑tħawwil ta’ siġar għandu jiġi inkluż fl‑ippjanar u d‑disinn ta’ toroq ġodda. Is‑siġar jgħinu biex titnaddaf l‑arja, joħolqu l‑frisk u permezz tal‑ossiġnu li jipprovdu, ipattu għall‑gassijiet tossiċi u trab żgħir perikoluż li jħallu l‑vetturi.

    Agħfas hawn biex taqra l-istqarrija tal-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent dwar il-Jum Dinji tal-Ippjanar.