Mons. Arċisqof Charles Scicluna ngħata kopja tar-Rapport ta’ Ħidma tad-Dar tal-Providenza għas-sena 2019. Is-Sinjura Nadine Camilleri Cassano, Amministratur tad-Dar, qalet li għalkemm ir-rapport kien isir kull sena, din hija l-ewwel darba li ġie stampat bil-Malti u b’verżjoni iqsar bl-Ingliż fi ktejjeb bil-kulur. Ir-rapport jelenka l-ħidma mwettqa fid-diversi oqsma tad-Dar fl-impenn tagħha li tkompli toffri servizz residenzjali tal-ogħla livell lill-persuni b’diżabilità li jkollhom bżonn dan is-servizz.
F’diskors qasir, l-Arċisqof Scicluna qal li d-Dar tal-Providenza f’dawn l-aħħar snin qed tagħlaq iċ-ċirku li nbeda 55 sena ilu meta Dun Mikiel Azzopardi, il-fundatur tad-Dar, beda jfittex il-persuni b’diżabilità li kienu jinħbew fil-kantini u fil-kmamar ta’ ġewwa biex ma jidhrux. Ġabarhom għall-kura u l-għożża fl-oasi magħrufa bħala d-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi. Fil-11 ta’ Frar 1997, inbeda l-proċess biex jingħalaq iċ-ċirku bil-ftuħ ta’ “Żerniq”, l-ewwel dar fil-komunità tas-Siġġiewi u tkompla bil-ftuħ ta’ “Akkwarell” fil-Qawra, “Dar Pirotta” f’Birkirkara, li nfetħet mill-Arċidjoċesi fl-2007 u għaddiet taħt ir-responsabbiltà tad-Dar fl-2014, “Shalom” fiż-Żurrieq u dar oħra fil-Balluta li waslet biex tinfetaħ ukoll. B’kollox fid-djar tad-Dar tal-Providenza jgħixu madwar 115-il persuna ta’ bejn it-tmien snin u ‘l fuq minn tmenin sena.
Mons. Arċisqof ħa l-okkażjoni biex jirringrazzja lis-Sorijiet tal-Karità li ilhom jgħixu fid- Dar u jagħtu s-servizzi tagħhom mill-bidu nett u li issa se jtemmu l-ħidma tagħhom. Il-preżenza ta’ din il-komunità reliġjuża kienet rigal għar-residenti, il-ħaddiema u l-voluntiera tad-Dar. Huma kienu dejjem hemm għal kulħadd 24 siegħa kuljum. Bosta minhom taw ukoll servizz għal snin twal. Mons. Arċisqof talabhom biex issa minflok missjoni ta’ servizz jibdew jagħmlu missjoni ta’ talb għad-Dar tal-Providenza fil-komunitajiet li se jkunu.
Fl-aħħarnett, Mons. Scicluna stieden lir-rappreżentanti tad-Dar li kienu preżenti biex jingħaqdu f’talba għal Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar, li din il-ġimgħa beda l-kimoterapija fis-Sir Anthony Mamo Oncology Centre għall-fejqan mill-kancer li qed jitqies bħala wieħed kurabbli.
L-Arċisqof Scicluna laqa’ t-talba tal-Amministrazzjoni tad-Dar tal-Providenza biex fil-55 Anniversarju tagħha li jaħbat is-Sibt, 12 ta’ Settembru li ġej iqaddes quddiesa ta’ radd il-ħajr. Huwa ppjanat li din issir f’xandira diretta fuq it-televiżjoni u tkun marbuta ma’ programm ta’ ġbir ta’ fondi għad-Dar.