Is-Segretarjat Ġenerali tas-Sinodu dalgħodu ppubblika l-Instrumentum laboris, dokument li se jgħin fil-ħidma tas-16-il Assemblea Ġenerali Ordinarja li se tiltaqa’ f’Ruma l-ewwel f’Ottubru li ġej u mbagħad f’dak tas-sena d-dieħla.

Id-dokument ta’ madwar 60 paġna, ippreżentat waranofsinhar f’Konferenza Stampa fil-Vatikan, jiġbor l-esperjenzi tal-Knejjes lokali f’kull parti tad-dinja, minn dawk li qed iġarrbu gwerer u bidliet fil-klima għal sistemi ekonomiċi diskriminatorji; minn dawk f’minoranza u ppersegwitati, għal dawk li nħakmu minn sekularizzazzjoni qawwija u vjolenti; minn dawk midruba mill-pjaga tal-abbużi sesswali kif ukoll tal-poter u l-kuxjenza, għal dawk fejn hemm tensjonijiet bejn diversi fazzjonijiet anki interni.

L-Instrumentum laboris se jservi ta’ bażi għall-ħidma tal-parteċipanti tal-Assemblea Ġenerali tas-Sinodu fuq is-Sinodalità, fejn għall-ewwel darba se jkun sinifikattiv is-sehem ta’ fuq 70 lajk u lajka flimkien mal-għadd ta’ isqfijiet mill-Konferenzi Episkopali.

Waqt il-Konferenza Stampa ġie mfisser iżjed minn darba li b’differenza minn kif ġie mifhum f’Sinodi oħra, din id-darba dan id-dokument hu l-punt tat-tluq pjuttost milli dak tal-wasla. Jiġbor l-esperjenzi tad-djoċesijiet mad-dinja kollha fl-aħħar sentejn, wara li fl-10 ta’ Ottubru 2021 il-Papa Franġisku nieda din il-mixja ta’ dixxerniment biex “nikbru bħala Knisja Sinodali”. Minn dakinhar, inżammu diġà tliet tappi kbar fil-Mixja Sinodali: il-konsultazzjoni tal-imgħammdin kollha fid-djoċesijiet, imbagħad fuq livell ta’ konferenzi episkopali, u fl-aħħar xhur il-laqgħat kontinetali. Bħala frott ta’ din il-mixja intensa bis-sehem ta’ Kattoliċi mid-dinja kollha ħareġ id-Dokument tal-Fażi Kontinentali, li serva ta’ bażi għal dan id-dokument ġdid imniedi llum.

Għalhekk, l-Instrumentum laboris – kelma li litteralment tfisser ‘għodda għall-ħidma’ – għandu l-għan kemm li jservi bħala preparazzjoni u li jgħin fid-dixxerniment “matul” l-Assemblea Ġenerali ta’ Ottubru. Jikkwota l-istess Dokument tal-Fażi Kontinentali meta jgħid li “l-għan tal-proċess sinodali mhux li jipproduċi dokumenti imma li jiftaħ orizzonti ta’ tama għall-missjoni tal-Knisja”.

It-test fih żewġ taqsimiet prinċipali: l-ewwel waħda tixħet dawl fuq l-esperjenza tal-aħħar sentejn u tindika t-triq għal Knisja iktar Sinodali; it-tieni taqsima, imnebbħa mill-istess tema tas-Sinodu “Komunjoni, Missjoni, Parteċipazzjoni”, tiffoka fuq dawn it-“tliet prijoritajiet” li sa jkunu fil-qalba tal-ħidma tal-Assemblea ta’ Ottubru. Dawn imbagħad huma elaborati iktar fi tliet temi prinċipali: nikbru fil-komunjoni billi nilqgħu lil kulħadd, bla ma nħallu lil ħadd barra; nagħrfu u nivvalorizzaw is-sehem ta’ kull persuna mgħammda fid-dawl tal-missjoni; u nidentifikaw stutturi ta’ tmexxija u dinamiċi kif il-parteċipazzjoni u l-awtorità jistgħu jkomplu jitħaddmu fi Knisja missjunarja u sinodali.

Fil-qalba ta’ kollox, hemm “ix-xewqa għal Knisja li ssir iktar sinodali fl-istituzzjonijiet, l-istrutturi u l-proċeduri tagħha”. U għalhekk, iżid id-dokument, trid tkun qabelxejn “Knisja li tisma’… umli, u taf li trid titlob maħfra u għandha ħafna x’titgħallem”, speċjalment meta minħabba bosta raġunijiet “il-wiċċ tagħha llum iġorr il-marka ta’ kriżijiet serji fil-fiduċja u nuqqas ta’ kredibbiltà”. Quddiem realtajiet bħall-abbużi tal-minuri u tal-poter, il-Knisja bl-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu “‘ma għandha qatt tieqaf iġġedded lilha nfisha’, fi vjaġġ ta’ ndiema u konverżjoni li jiftaħ toroq ta’ rikonċiljazzjoni, fejqan, u ġustizzja”.

L-Instrumentum laboris jitkellem ukoll dwar “Knisja ta’ laqgħa u djalogu” ma’ nies ta’ twemmin ieħor, kulturi u soċjetajiet differenti, u li “ma tibżax mill-varjetà li għandha fi ħdanha”, imma tagħtiha valur “bla ma timponi l-uniformità”. Hu fiċ-ċelebrazzjoni tal-misteri mqaddsa fil-liturġija li l-Knisja dduq dik “l-għaqda qawwija” fl-istess esperjenza ta’ talb, qalb “diversità ta’ lingwi u riti”.

Hi indirizzata wkoll il-kwistjoni tal-awtorità, li “għeruqha huma fil-qadi”, kif ukoll il-ħtieġa ta’ “formazzjoni integrali, inizjali u kontinwa” tal-Poplu ta’ Alla, fejn hemm bżonn ukoll tiġdid tal-lingwaġġ użat fil-“liturġija, il-predikazzjoni, il-katekeżi, l-arti sagra, kif ukoll fix-xejriet kollha ta’ komunikazzjoni… fost l-oħrajn permezz tal-forom tradizzjonali u ġodda tal-midja”.

Bħala għajnuna għad-dinamika tad-dixxerniment, l-Instrumentum laboris qed joffri diversi skedi innovattivi, li jmissu bosta temi, fosthom: il-komunjoni, l-impenn b’risq il-karità u l-ġustizzja soċjali, il-qrubija lejn dawk li l-aktar qed jissieltu, il-parteċipazzjoni taċ-ċkejknin, il-laqgħa tal-imħabba u l-verità, l-għarfien aħjar tad-dinjità tal-magħmudija u tas-sehem tan-nisa, ir-rwol tal-isqof f’perspettiva sinodali, u t-tiġdid tal-ministeru f’korresponsabbiltà.

Fi kliem il-Kardinal Mario Grech, dan kollu jkompli jgħin “fl-eżerċizzju tas-smigħ tal-poplu ta’ Alla kollu kemm hu”. Huwa tenna li l-“Knisja trid li jkollha qalb li tisma’ lil kulħadd, għax hekk tkun qed tisma’ wkoll dak li jrid jgħidilha Alla l-Imbierek”. Saħaq li l-Instrumentum labors “mhux dokument tas-Santa Sede, imma tal-Knisja kollha. Mhux dokument miktub fuq l-iskrivanija, imma dokument li kulħadd hu awtur tiegħu, kulħadd skont is-sejħa li għandu fil-Knisja”.

Ma’ dan żied il-Kardinal Ġiżwita Jean-Claude Hollerich, President tal-Kummissjoni tal-Konferenzi tal-Isqfijiet Ewropej, li insista li l-Instrumentum labors “mhux dokument għall-votazzjonijiet finali, jew li jwieġeb għall-mistoqsija kollha dwar x’inhi sinodalità”, u ma għandu “ebda pretensjoni ta’ trattat teoloġiku fuq sinodalità. Ma jagħtix tweġibiet, imma iktar ipoġġi mistoqsijiet”. Se jkunu mbagħad l-Isqfijiet li “msejħin ‘jipperfezzjonaw’ id-dixxerniment mibdi” u “jipprovaw jagħtu xi tweġibiet”. Xebbah id-dokument ma’ ktieb tat-tisjir fejn jingħażlu “liema ingredjenti jitqiegħdu flimkien biex jogħġbu l-palati differenti”. Żied li dan hu “xogħol diffiċli… imma hu l-Ispirtu s-Santu li fl-isfond jiggwidana biex insibu l-armonija tal-ikel”.

“Armonija, kunsens, gwida tal-Ispirtu, komunjoni”… kienu fost il-kelmiet li spikkaw fil-Konferenza Stampa, b’enfasi partikulari fuq il-“konverżazzjoni fl-Ispirtu” bħala l-“muftieħ li rridu nitgħallmu nużaw”.

Waqt li ppreżenta l-metodoloġija li ħa tintuża fl-Assemblea ta’ Ottubru, il-Ġiżwita Giacomo Costa, Konsultur tas-Segretarjat Ġenerali tas-Sinodu, li kellu sehem ewlieni fit-tfassil tal-Instrumentum laboris, fakkar li dan hu “dokument ta’ ħidma flimkien u mhux test miktub u lest”. Il-mistoqsija l-kbira u prinċipali, tenna, hija dik li tqiegħdet sa mill-bidu tal-mixja: “Kif nimxu flimkien u liema passi l-Ispirtu qed jistedinna għalihom?”, biex jinstabu proposti konkreti biex ngħixu bħala Knisja Sinodali.

Fuq nota prattika huwa żvela li għalkemm l-Assemblea sa ssir fil-Vatikan, għall-ewwel darba ħa tinżamm fl-Awla Pawlu VI biex tista’ tilqa’ numru ikbar ta’ parteċipanti u tipprovdi spazju għal-laqgħat ta’ gruppi żgħar madwar l-imwejjed bis-sehem ta’ isqfijiet, reliġjużi u lajċi flimkien.

Fil-Konferenza Stampa nstemgħu wkoll testimonjanzi ta’ parteċipanti, fejn ħarġu l-elementi tal-korresponsabbiltà u tal-komunjoni ta’ differenzi bħala frott tal-Fażi Kontinentali tal-aħħar xhur.

Bejn profezija u dixxerniment fejn il-vuċi ta’ kulħadd tinstema’, “neħtieġu Knisja Sinodali biex nistgħu nkunu Knisja li tħabbar il-Vanġelu”, temm jgħid il-Kardinal Grech, waqt li talab il-gwida tal-Ispirtu s-Santu “biex iweżinna fil-Mixja Sinodali”.

Sors: Newsbook Malta