• Nhar l-Erbgħa 18 ta’ Novembru 2015, saret laqgħa li matulha r-Rev. Prof. Emmanuel Agius ippreżenta lill-Onor. Kap tal-Oppozizzjoni Simon Busuttil, id-dokument ta’ pożizzjoni dwar il-Leġizlazzjoni li Tirregola l-Prokreazzjoni Umana Assistita.

    Matul din il-laqgħa, ir-Rev. Prof. Emmanuel Agius fisser kif dan id-dokument huwa l-ewwel studju dettaljat li qed jiġi ppreżentat lill-politiċi u lis-soċjetà Maltija, wara li l-Gvern ħabbar l-intenzjoni tiegħu li jsir xi tibdil fl-Att dwar il-Protezzjoni tal-Embrijuni tal-2012. Il-Prof. Agius spjega li d-dokument ta’ pożizzjoni jikkonkludi li mhux minnu li l-liġi eżistenti għandha tinbidel minħabba xi sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, u li mhux minnu li l-Att dwar il-Protezzjoni tal-Embrijuni joħloq xi diskriminazzjoni kontra xi persuni. Il-grupp ta’ esperti li ħejja dan id-dokument wasal għal din il-konkluzjoni wara li studja s-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

    Il-Prof. Agius qal ukoll li minkejja li qed jingħad li l-bidla fil-liġi eżistenti għandha ssir biex ikun hemm rata ogħla ta’ suċċess, ir-rapport annwali li ħarget l-Awtorità għall-Protezzjoni ta’ Embrijuni fl-2014 juri li r-rata ta’ fertilizazzjoni f’Malta hija meqjusa bħala tajba ħafna u fl-istess livell ta’ dik tal-Ingilterra u ta’ pajjiżi oħra Ewropej. Dan minkejja li l-kazijiet ta’ IVF li saru f’Mater Dei huma każijiet meqjusa bħala ta’ riskju għoli għaliex jinvolvu persuni ta’ età mhux żghira. Il-Prof. Agius spjega li dan ir-riżultat inkiseb mingħajr l-iffrizar tal-embrijuni umani iżda billi ntużat it-teknoloġija ta’ oocyte vitrification (l-iffriżar tal-bajd), liema teknoloġija ma toħloqx dilemmi etiċi u morali kif joħloq l-iffriżar tal-embrijuni. Il-Prof. Agius wera t-tħassib tiegħu għall-fatt li l-Awtorità għall-Protezzjoni ta’ Embrijuni ma ppublikatx ukoll ir-rata tat-trabi li twieldu permezz tal-IVF fl-Isptar Mater Dei u fil-kliniċi privati, matul l-2014.

    Id-dokument ta’ pożizzjoni jikkonkludi li t-tagħrif xjentifiku prevalenti u r-riżultati miksuba lokalment fit-trattament bl-IVF s’issa juru li l-introduzzjoni tal-iffriżar tal-embrijuni f’Malta la hu meħtieġ xjentifikament u lanqas hu raġonevoli. Dan id-dokument tħejja minn grupp ta’ 22 espert fl-oqsma tal-mediċina, il-liġi, il-psikoloġija, il-politika soċjali, l-istudji tal-familja, l-istudji tad-diżabbiltà, il-filosofija u t-teoloġija. Dan il-grupp ta’ esperti kien imqabbad mill-Konferenza Episkopali Maltija.

    Agħfas hawn biex tniżżel id-Dokument ta’ pożizzjoni dwar il-Leġizlazzjoni li Tirregola l-Prokreazzjoni Umana Assistita. 

  • Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni, Kurja.