L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Għażiż Dun Anton, inti u tibda din il-missjoni, bħala ragħaj f’din il-parroċċa, nawguralek li bħal Xmun, dan ir-raġel ġust u tajjeb, ikollok fuqek il-faraġ tal-Ispirtu Qaddis tal-Mulej. Hekk jgħidilna l-Evanġelju ta’ San Luqa: “F’Ġerusalemm kien hemm wieħed, jismu Xmun, raġel ġust u tajjeb, li kien jistenna l-faraġ ta’ Iżrael u li kellu l-Ispirtu s-Santu fuqu” (Lq 2:25). F’din is-silta li għadna kemm smajna, jissemma kemm-il darba l-Ispirtu qaddis tal-Mulej. Huwa l-Ispirtu li jnebbaħ lil Xmun, “li ma kienx se jara l-mewt qabel ma jara l-Messija tal-Mulej” (Lq 2:26). 

Huwa l-Ispirtu li jqanqal lil Xmun biex imur fit-Tempju, jiltaqa’ ma’ din il-koppja ta’ Ġużeppi u Marija, bit-tarbija tagħhom. Hi koppja fqira, għaliex l-offerta li joffri l-missier, hi l-offerta tal-fqar. Fil-liġi kien hemm miktub, li inti tifdi lil ibnek il-kbir permezz ta’ ħaruf, imma jekk ma tkunx tista’ tħallas għal  ħaruf, jista’ jkollok jew par gamiem jew żewġ bċieċen. U l-offerta ta’ Ġużeppi hija l-offerta tal-fqar: par gamiem jew żewġ bċieċen. Fil-fatti, fl-ikongrafija qawwija ta’ San Ġużepp, iġibuh b’gaġġa jġorr din l-offerta, li tella’ f’Ġerusalemm fil-preżentazzjoni tat-tifel, ta’ Ġesù.  U Marija, irżina, immakulata, iġġorr fi ħdanha, mhux l-offerta tal-fqar, imma l-Ħaruf ta’ Alla. Għax aħna nibqgħu naħsbu: imma kif ma ppreżentawx il-ħaruf? Imma l-Madonna kienet qed iġġorr fi ħdanha, huma u jippreżentaw lil Ġesù fit-Tempju, lil dak li Ġwanni l-Battista jindika bħala “l-Ħaruf ta’ Alla, li jneħħi d-dnub tad-dinja” (Ġw 1:29). 

Xmun jilqa’ lil din it-tarbija, u x’jagħmel b’din it-tarbija? Ma jarax bl-għajnejn tal-laħam li jaraw tarbija ċkejkna, forsi tibki wkoll xi bikja tajba, imma jirringrazzja lil Alla, għax għajnejh qegħdin jaraw is-salvazzjoni, id-dawl, u l-glorja. Ejjew nitolbu din il-grazzja, f’dan il-misteru tal-familja mqaddsa din is-sena, li aħna fil-ħarsa tagħna nimxu lil hinn mill-perċezzjoni umana, naraw l-affarijiet kemm jista’ jkun kif jarahom Alla; u fid-dawl tal-imħabba tiegħu, fid-dawl tal-ħniena tiegħu. 

Fit-talba tal-Knisja, illum tissemma ħafna drabi d-dar, il-virtujiet tad-dar ta’ Nazaret, li aħna ngħammru fid-dar ta’ dejjem. Id-dar, li biex tkun bejta ta’ mħabba, irid ikollha qalb miftuħa għall-Ispirtu s-Santu: l-ispirtu tal-verità u tas-sewwa, l-ispirtu tal-għaqda u l-ħniena, l-ispirtu tal-armonija. L-ispirtu l-ħażin li jġib il-firda, l-għira, il-mibegħda, il-pika; l-Mulej fil-misteru qaddis tal-familja mqaddsa jiskonġraha, jilliberaha minn dak kollu li jtebba’ l-armonija tad-dar ta’ Alla, li hi aħna. 

Xmun iħares lejn l-omm għażiża, u jħabbrilha li kellha wkoll tgħaddi minn tbatija kbira: “sejf jinfidlek ruħek!” (Lq 2:35); għaliex dan l-iben li hu s-salvazzjoni, id-dawl, u l-glorja, huwa wkoll “sinjal li jmeruh” (Lq 2:34). Din it-tarbija, mhix tarbija li timponi lilha nnifisha fuqna b’mod vjolenti – dak l-istil tal-kbarat tad-dinja – imma tħallina fil-libertà li niċħduha. Is-sinjal tal-imħabba tal-maxtura ta’ Betlehem, aħna wkoll nistgħu mmeruh; imma jingħata lilna bħala sinjal, sinjal iva, li nistgħu mmeruh, u b’hekk nuru min aħna. Xmun lil ommu jgħidilha: “biex jinkixfu l-ħsibijiet moħbija fil-qlub ta’ ħafna” (Lq 2:35). Minn hemmhekk nuru min aħna, jekk nilqgħuhx lil Ġesù jew jekk immerux is-sinjal tal-imħabba, tal-armonija, tal-għaqda, tal-kooperazzjoni li jixtieq iġibilna; u mmeruh meta ma nirrispettawx lil xulxin, meta nitqatlu bejnietna, meta ma nifhmux li f’kull wieħed u waħda minna hemm ix-xbieha tiegħu. 

Aħna nitolbu, li bħall-profetessa Anna, il-ħajja tagħna tkun innu ta’ glorja, ta’ tama. Jissemma s-sawm ukoll. Ma nawgurax li jkollna ħajjitna kollha ta’ sawm, imma l-ħajja għandha s-sawm, il-mumenti tal-inżul u t-tlajja’ tagħha. Imma mqanqla wkoll mill-Ispirtu, din il-mara anzjana, ta’ 84 sena, tasal fit-tempju, “trodd ħajr lil Alla u titkellem fuq it-tarbija ma’ dawk kollha li kienu jistennew il-fidwa ta’ Ġerusalemm” (Lq 2:38). Aħna kif nitkellmu fuq it-tarbija? Nitkellmu fuq it-tarbija? Il-kelma Ġesù, fuq fommna, meta tinstema’? Forsi fil-batal? Meta tinstema’, il-kelma ħelwa li biha nsellmu lil Marija u lil Ġużeppi? Meta? 

Ejjew nitolbu wkoll fil-misteru ta’ din il-festa sabiħa tal-familja mqaddsa, ta’ Marija, ta’ Ġużeppi u ta’ Ġesù, biex aħna nkunu wkoll Anna bint Fanwel, inroddu ħajr lil Alla, u nitkellmu kif imiss u kif jixraq fuq it-tarbija ĠesùIl-Mulej Ġesù, jirritorna mal-ġenituri tiegħu lejn Nażaret, jibqa’ jikber u jissaħħaħ, jimtela bil-għerf. “U l-grazzja ta’ Alla kienet fuqu” (Lq 2:40). 

Għażiż Kappillan,  nawguralek li tippromwovi l-ispirtu tal-familja mqaddsa fil-missjoni tiegħek: spirtu ta’ armonija, ta’ lealtà, ta’ mħabba, ta’ mogħdrija, ta’ paċenzja u ta’ rieda tajba.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-Quddiesa

L-Ewwel Qari: Ġen 15:1-6; 21:1-3
Salm: 104 (105):1b-2,3-4,5-6,8-9
It-Tieni Qari: Lhud 11:8,11-12,17-19
L-Evanġelju: Lq 2:22-40

Aktar ritratti