Ir-Randan imqaddes, 40 jum ta’ talb u penitenza, bi tħejjija għaċ‑ċelebrazzjoni tal‑Passjoni, il‑Mewt u l‑Qawmien mill‑mewt ta’ Sidna Ġesù Kristu. Ir-Randan hu wkoll mixja li għandna ngħixuha bħala mixja tal-libertà, dik li permezz tagħha ninħelsu minn dak kollu li jtaqqalna, niftħu qalbna lejn Alla u lejn il-proxxmu tagħna. Tajjeb li dil-mixja tkun ibbażata fuq tliet atteġġjamenti importanti għall-Mulej il-karità, it-talb u s-sawm, li jekk jiġu mill-qalb għandhom jagħmlu l-mixja waħda ta’ konverżjoni u tiġdid.

Il-karità tiftaħ il-qalb għall-proxxmu. It-talb jiftaħ il-qalb għal Alla. Bis-sawm nitgħallem nieħu ħsieb tiegħi nnifsi kif ukoll nifhem li nista’ nitlaq dak kollu li jfixkilni u ndur lejn Alla u niskopri kemm hu twajjeb u ħanin.

Matul iż‑żmien tar‑Randan, il‑Knisja tħeġġeġ lill‑Insara biex jaqraw il‑Kelma ta’ Alla, jieħdu sehem fis‑sagramenti u jattendu l‑eżerċizzi spiritwali. Din is‑sena l‑Arċidjoċesi ta’ Malta, flimkien mas‑Segretarjat Parroċċi, ħejjiet il‑website https://hinijiet.knisja.mt/ li fiha tinkludi ċelebrazzjonijiet u attivitajiet marbuta mar‑Randan. Din tinkludi l‑ġranet u l‑ħinijiet tal‑eżerċizzi spiritwali kif ukoll attivitajiet marbuta mal‑Ġimgħa Mqaddsa fil‑parroċċi f’Malta. Din il‑website tibqa’ tiġi aġġornata matul ir‑Randan.

F’dan iż‑żmien wieħed jista’ jaċċessa wkoll soter.knisja.mt li tinkludi talb oriġinali u tradizzjonali li jkellem lir‑realtà Maltija kontemporanja. It‑talb jinkludi ħames kollezzjonijiet ta’ pitturi, magħmulin apposta minn artisti Maltin sabiex jakkumpanjaw it‑talb, ħalli jfakkruna fid‑dawl tal‑Evanġelju li jilma fuq il‑gżejjer tagħna, kif fakkarna l‑Papa Franġisku fiż‑Żjara Appostolika tas‑sena li għaddiet.