Għeżież ħuti,

Huwa u jħabbar lid-dixxipli tiegħu l-passjoni, il-mewt u l-qawmien tiegħu, biex hekk isseħħ ir-rieda tal-Missier, Ġesù jurihom it-tifsira profonda tal-missjoni tiegħu u jsejħilhom biex jixxierku magħha, għas-salvazzjoni tad-dinja.

Aħna u nterrqu l-mixja tar-Randan, li twassalna għaċ-ċelebrazzjonijiet tal-Għid, ejjew niftakru f’Dak li “ċekken lilu nnifsu, billi obda sal-mewt, anzi sal-mewt tas-salib” (Fil 2:8). F’dan iż-żmien ta’ konverżjoni ejjew inġeddu l-fidi tagħna, nixorbu mill-“ilma ħaj” tat-tama u nilqgħu b’qalbna miftuħa l-imħabba ta’ Alla li tibdilna f’aħwa fi Kristu. Fil-lejl tal-Għid se nġeddu l-wegħdiet tal-Magħmudija tagħna, biex nitwieldu mill-ġdid bħala bnedmin ġodda, grazzi għall-ħidma tal-Ispirtu s-Santu. Imma l-mixja tar-Randan, bħat-triq sħiħa tal-ħajja Nisranija, diġà tinsab kollha taħt id-dawl tal-Qawmien, li jagħti l-ħajja lis-sentimenti, l-atteġġjamenti u l-għażliet kollha ta’ min irid jimxi wara Kristu.

Is-sawm, it-talb u l-karità, li jippreżentalna Ġesù fil-predikazzjoni tiegħu (ara Mt 6:1-18), huma l-kundizzjonijiet u l-espressjoni tal-konverżjoni tagħna. It-triq tal-faqar u taċ-ċaħda (is-sawm), il-ħarsa u l-ġesti ta’ mħabba għall-bniedem midrub (il-karità), u d-djalogu ta’ wlied mal-Missier (it-talb) jgħinuna nlaħħmu fina fidi sinċiera, tama ħajja u mħabba ħawtiela.

Il-fidi li ssejħilna nilqgħu l-Verità u nsiru xhieda, quddiem Alla u quddiem ħutna kollha

F’dan iż-żmien tar-Randan, li nilqgħu u ngħixu l-Verità li dehret fi Kristu jfisser qabelxejn inħallu l-Kelma ta’ Alla tilħaqna, li tiġi mgħoddija lilna, minn ġenerazzjoni għall-oħra, mill-Knisja. Din il-Verità mhix xi kostruzzjoni tal-intellett, irriservata biss għal ftit imħuħ magħżula, superjuri jew distinti, imma hija messaġġ li nirċievu u nistgħu nifhmu grazzi għall-intelliġenza tal-qalb, miftuħa għall-kobor ta’ Alla li jħobbna qabel aħna stess biss nintebħu. Din il-Verità hija Kristu nnifsu, li ħa fuqu l-umanità kollha tagħna u sar Triq – esiġenti imma miftuħa għal kulħadd – li twassal għall-milja tal-Ħajja.

Is-sawm meta jingħax bħala esperjenza ta’ ċaħda jwassal lil dawk li jgħixuh b’sempliċità tal-qalb biex jiskopru mill-ġdid id-don ta’ Alla u biex nifhmu r-realtà tagħna ta’ ħlejjaq maħluqa fuq is-sura u x-xbieha tiegħu, li fih isibu l-milja tagħhom. Meta jagħmel esperjenza tal-aċċettazzjoni tal-faqar tiegħu, min isum isir fqir mal-foqra u “jiġma’” l-għana tal-imħabba li rċieva u qasam mal-oħrajn. Mifhum u mħaddem b’dan il-mod, is-sawm jgħinna nħobbu lil Alla u lill-proxxmu għax, kif jgħallimna San Tumas ta’ Aquino, l-imħabba ċċaqlaqna biex inkunu għajnejna miftuħa għall-ieħor billi nqisuh ħaġa waħda magħna nfusna (ara Enċiklika Fratelli tutti, 93).

Ir-Randan hu żmien biex nemmnu, jew aħjar biex nilqgħu lil Alla f’ħajjitna u nħalluh “jgħammar” fina (ara Ġw 14:23). Insumu jfisser neħilsu lil ħajjitna minn dak li qed itaqqalha, anki mill-baraxx ta’ informazzjoni – vera jew falza – u mill-prodotti ta’ konsum, biex niftħu l-bibien ta’ qalbna għal Dak li jasal għandna fqir minn kollox, imma “mimli bil-grazzja u l-verità” (Ġw 1:14): l-Iben ta’ Alla l-Feddej.

It-tama bħala “ilma ħaj” li bih nistgħu nissoktaw il-mixja tagħna

Is-Samaritana, li Ġesù jitlobha tagħtih jixrob ħdejn il-bir, ma tifhimx meta hu jgħidilha li jista’ joffrilha “ilma ħaj” (Ġw 4:10). Għall-bidu naturalment moħħha jmur għall-ilma materjali, imma Ġesù qed jifhem l-Ispirtu s-Santu, dak li hu kien se jagħti bil-kotra fil-Misteru tal-Għid u li jsawwab fina t-tama li ma tqarraqx. Diġà fit-tħabbira tal-passjoni u l-mewt tiegħu Ġesù jxandar it-tama, meta jgħid: “u fit-tielet jum iqum” (Mt 20:19). Ġesù jkellimna fuq il-futur miftuħ beraħ mill-ħniena tal-Missier. Li nittamaw flimkien miegħu u grazzi għalih ifisser nemmnu li l-istorja ma tagħlaqx mal-iżbalji tagħna, mal-vjolenzi u l-inġustizzji tagħna u mad-dnub li jsallab ’l-Imħabba. Ifisser li mill-Qalb miftuħa tiegħu nirċievu l-maħfra tal-Missier.

Fil-kuntest attwali ta’ tħassib li fih qed ngħixu u fejn kollox jidher dgħajjef u inċert, li nitkellmu dwar it-tama jista’ jidher bħal provokazzjoni. Iż-żmien tar-Randan hu magħmul biex nittamaw, biex nerġgħu ndawru ħarsitna fuq is-sabar ta’ Alla, li jkompli jieħu ħsieb tal-Ħolqien tiegħu, meta aħna mill-banda l-oħra ma mxejniex sew miegħu (ara EnċiklikaLaudato si’, 32-33, 43-44). Hija tama fir-rikonċiljazzjoni, li għaliha jsejħilna b’ħerqa San Pawl: “Ħallu lil Alla jħabbibkom miegħu” (2 Kor 5:20). Meta nirċievu l-maħfra, fis-Sagrament li hu fil-qalba tal-proċess ta’ konverżjoni tagħna, insiru aħna wkoll dawk li jqassmu l-maħfra: la nkunu rċivejnieha aħna stess, nistgħu noffruha billi nkunu kapaċi nħaddnu djalogu attent u nadottaw imġiba li tfarraġ lill-midrub. Il-maħfra ta’ Alla, anki permezz ta’ kliemna u l-ġesti tagħna, tgħinna ngħixu Għid ta’ fraternità.

Fir-Randan, ejjew inkunu iżjed attenti biex inlissnu “kelmiet ta’ inkuraġġiment, li jfarrġu, li jqawwu, li jikkunslaw, li jħeġġu, flok kelmiet li jumiljaw, li jnikktu, li jdejqu, li jmaqdru” (Enċiklika Fratelli tutti, 223). Xi drabi, biex twassal it-tama, biżżejjed “persuna ġentili, li twarrab għall-ġenb l-inkwiet tagħha u l-bżonnijiet urġenti tagħha biex tagħti attenzjoni, biex tirregala tbissima, biex tlissen kelma ta’ tħeġġiġ, biex tagħmel possibbli spazju ta’ smigħ qalb tant indifferenza” (ibid., 224).

Fil-ġabra u fit-talb fis-skiet, it-tama tingħatalna bħala ispirazzjoni u dawl interjuri, li jdawwal sfidi u għażliet fil-missjoni tagħna: għalhekk huwa fundamentali li ninġabru biex nitolbu (ara Mt 6:6) u niltaqgħu, fis-satra, mal-Missier kollu ħlewwa.

Ngħixu Randan bit-tama jfisser inħossuna, f’Ġesù Kristu, xhieda taż-żmien il-ġdid, fejn Alla “jġedded kollox” (ara Apok 21:1-6). Ifisser nilqgħu t-tama ta’ Kristu li jagħti ħajtu fuq is-salib u li Alla jqajmu fit-tielet jum, “dejjem lesti biex nagħtu tweġiba lil kull min jitlobna l-għala tat-tama li għandna” (ara 1 Piet 3:15).

L-imħabba, imħaddna fuq il-passi ta’ Kristu, fl-attenzjoni u fil-ħniena lejn kulħadd, hija l-ogħla espressjoni tal-fidi tagħna u tat-tama tagħna

L-imħabba tithenna meta tara lill-ieħor jikber. Għalhekk hi tbati meta l-ieħor ikun qed ibati: waħdu, marid, bla saqaf fuq rasu, imkasbar, fil-ħtieġa… L-imħabba hi l-ħerqa tal-qalb li toħroġna minn nfusna u toħloq ir-rabta tal-qsim u tal-komunjoni.

“Jekk nibdew mill-imħabba soċjali nistgħu nimxu ’l quddiem lejn ċiviltà tal-imħabba li għaliha lkoll nistgħu nħossuna msejħin. L-imħabba, bid-dinamiżmu universali tagħha, tista’ tibni dinja ġdida, għax dan mhux xi sentiment vojt, imma l-aħjar mod kif nilħqu toroq effikaċi ta’ żvilupp għal kulħadd” (FT, 183).

L-imħabba hija don li jagħti sens lil ħajjitna u li grazzi għalih nistgħu nqisu lil min qed ibati bħala membru tal-istess familja tagħna, ħabib, ħuna u oħtna. Il-ftit, jekk naqsmuh bi mħabba, ma jispiċċa qatt, imma jinbidel f’ħażna ta’ ħajja u ta’ hena. Hekk ġara mid-dqiq u ż-żejt tal-armla ta’ Sarefta, li toffri l-ftira lill-profeta Elija (ara 1 Slat 17:7-16); u mill-ħobżiet li Ġesù jbierek, jaqsam u jagħti lid-dixxipli biex iqassmuhom lill-folla (ara Mk 6:30-44). Hekk jiġrilha l-karità tagħna, tkun kemm tkun żgħira jew kbira, meta noffruha bi mħabba u sempliċità.

Ngħixu Randan ta’ karità jfisser nieħdu ħsieb ta’ min jinsab f’qagħda ta’ tbatija, telqa jew biża’ minħabba l-pandemija tal-Covid-19. Fi żmien ta’ inċertezza kbira dwar x’se jiġri għada, aħna u niftakru fil-kelma ta’ Alla lill-Qaddej tiegħu: “La tibżax, għax jien fdejtek” (Iż 43:1), ejjew noffru bil-karità tagħna kelma ta’ fiduċja, u lil ħaddieħor ngħinuh iħoss li Alla jħobbu bħala ibnu u bintu.

“B’ħarsa biss li x-xefaq tagħha hu mibdul mill-imħabba, li twasslu biex jagħraf id-dinjità tal-persuna l-oħra, il-foqra huma rikonoxxuti u apprezzati fid-dinjità immensa tagħhom, irrispettati fl-istil proprju tagħhom u fil-kultura tagħhom, u għalhekk tassew integrati fis-soċjetà” (FT, 187).

Għeżież ħuti, kull tappa tal-ħajja hija żmien għalina biex nemmnu, nittamaw u nħobbu. Din l-istedina biex ngħixu r-Randan bħala mixja ta’ konverżjoni, bħala talba u qsim tal-ġid tagħna, tgħinna nerġgħu lura, fil-memorja komunitarja u personali tagħna, għall-fidi li ġejja minn Kristu ħaj, it-tama mkebbsa min-nifs tal-Ispirtu s-Santu, u l-imħabba li l-għajn bla tarf tagħha hi l-qalb ħanina tal-Missier.

Marija, Omm il-Feddej, fidila f’riġlejn is-salib u fil-qalb tal-Knisja, tweżinna bil-preżenza attenta tagħha, u l-barka tal-Irxoxt isseħibna fil-mixja tagħna lejn id-dawl tal-Għid.

Ruma, San Ġwann Lateran, 11 ta’ Novembru 2020, Tifkira ta’ San Martin ta’ Tours

Franġisku

Sors: Laikos