Nhar it-Tlieta 2 t’Ottubru 2012, waqt konferenza tal-aħbarijiet f’Dar Fra Diegu, ġie spjegat ix-xogħol li jsir mill-Knisja mat-tfal vulnerabbli, u wara ġie ppreżentat ir-Rapport Finanzjarju u Pastorali tal-Arċidjoċesi ta’ Malta għas-sena 2011. Dan ir-rapport jinkludi r-riżultati finanzjarji ta’ aktar minn mitt entità li ħafna minnhom jaħdmu fil-qasam soċjali.
Fil-Viżta Pastorali li Mons. Arċisqof Pawlu Cremona O.P. qed jagħmel fil-parroċċi tad-Djoċesi ta’ Malta, fejn f’dawn l-aħħar tliet snin dar sitta u erbgħin minn sebgħin parroċċa, dejjem ifakkar li l-komunità Nisranija għandha tliet ħidmiet prinċipali mogħtija lilha minn Ġesù Kristu li waqqafha: dik tal-qima lil Alla fiċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi tal-quddies u s-sagramenti; il-ħidma tal-formazzjoni Nisranija kontinwa; u l-għajnuna lill-persuni li jsibu ruħhom fil-bżonn. Ma’ dawn hemm il-bini tal-istess komunità Nisranija u d-dmir tagħna tal-missjoni lejn dawk li tbiegħdu minnha jew qatt ma kienu ffurmaw parti minnha.
Dawn il-ħidmiet pastorali jitolbu riżorsi umani u fiżiċi biex twettaqhom, u huwa għalhekk li l-komunità Nisranija għandha bżonn l-għajnuna tal-istess Insara li jħaddnuha biex tista’ twettaq l-operat tagħha, bħalma sar sa mill-bidu tat-twaqqif tagħha. Hawnhekk tispikka l-ġenerożità tal-poplu Nisrani li dejjem għaraf joffri kemm lilu nnifsu f’ħidma impenjattiva ta’ volontarjat, kif ukoll f’offerti ġenerużi li jagħti kontinwament għax jaf li b’hekk qed jgħin ħalli l-Knisja f’Malta tkompli twettaq l-operat tagħha.
Huwa dan li jwassalna biex, kif inhu xieraq u ġust, nippubblikaw kull sena l-mod ta’ kif jitħaddmu r-riżorsi finanzjarji li għandha l-Knisja f’Malta ħalli b’mod trasparenti kulħadd ikun jaf li dak li qed jiġi offrut b’tant ġenerożità qed jintuża għall-iskopijiet li għalih qed jinġabar.
Naturalment f’rapport bħal dan ma jkunx hemm l-operat pastorali sħiħ tal-Knisja f’Malta, anki għax f’dan ir-rapport qed nieħdu biss l-amministrazzjoni li tiġi amministrata mill-Kurja f’Malta. Għalhekk m’aħniex nitkellmu mill-operat tar-reliġjużi f’diversi oqsma pastorali, bħalma huma l-parroċċi, l-edukazzjoni, għajnuna soċjali b’diversi inizjattivi, kif ukoll l-għaqdiet u l-movimenti tal-lajċi li joffru ħafna ħidma pastorali speċjalment ta’ formazzjoni Nisranija lit-tfal, adolexxenti u żgħażagħ, adulti, miżżewġin kif ukoll anzjani. Dawn ilkoll għandhom amministrazzjoni għalihom.
Għalkemm qed jiġi ppreżentat rapport finanzjarju wieħed għal madwar mitt entità li l-amministrazzjoni tagħhom hija amministrata ċentralment, fl-istess ħin kull entità tuża l-fondi tagħha, għall-bżonnijiet tagħha, u għalhekk ma jiġux trasferiti fondi minn enti għal oħra.
Mill-banda l-oħra, waqt li l-parroċċi għandhom id-dħul tagħhom, u għandhom ukoll l-ispejjeż tagħhom, l-amministrazzjoni ċentrali toffri ħafna servizzi kemm lill-istess parroċċi, kif ukoll lil entitajiet oħra bħalma huma d-djar tat-tfal, id-djar tal-anzjani, il-media, is-Seminarju u oħrajn. Dawn is-servizzi jitolbu spejjeż li l-istess amministrazzjoni ċentrali trid toħroġ kontinwament: spejjeż ta’ impjegati, fosthom saċerdoti, kif ukoll lajċi, ħafna minnhom persuni professjonisti; spejjeż ta’ manuntenzjoni tal-propjetà li għandha; kif ukoll spejjeż għal inizjattivi ġodda li l-Knisja f’Malta tħoss li għandha tidħol għalihom biex tkun tista’ twettaq il-missjoni tagħha fiż-żminijiet tal-lum.
Fil-fatt minħabba li l-Fond Ċentrali qed jissussidja diversi entitajiet biex jibqgħu jżommu l-operat tagħhom, l-amministrazzjoni mhux qed tidħol fi spejjeż kapitali f’daqqa, tant li jingħataw prijorità bħal fil-każ ta’ manutenzjoni li trid issir fl-istess Kurja tal-Arċisqof, waqt li anki f’oqsma ġodda ta’ operat bħalma huma l-media u impjegati li jinħass il-bżonn tagħhom.
Minħabba li f’dawn l-aħħar snin ir-rapporti finanzjarji wrew telf, ittieħdu diversi inizjattivi biex isir tnaqqis fl-ispejjeż li jsiru u jiżdied id-dħul, bħal pereżempju: tnaqqis ta’ proġetti kbar, salarji ta’ impjegati li baqgħu ffriżati mis-sena 2009, miżuri li ttieħdu biex jiġi ffrankat infiq f’xiri ta’ prodotti, investiment ġdid fl-APS Bank, l-użu aħjar tal-propjetà tad-Djoċesi u l-kiri ta’ sodod lill-Gvern fid-djar tal-anzjani. Dan ta l-frott tiegħu biex għal din is-sena kien hemm bilanċ komplessiv ta’ €114k. Jibqa’ l-fatt xorta waħda li l-amministrazzjoni ċentrali kellha toħroġ €1.68 miljun mill-Fond Ċentrali biex tagħmel tajjeb għall-ispejjeż ’il fuq mid-dħul li saru fid-djar tal-anzjani, djar tat-tfal, media, remunerazzjoni tal-Kleru u t-Tribunal Ekkleżjastiku.
Rigward id-dħul, waqt li kien hemm tnaqqis fid-dħul mill-ġbir, donazzjonijiet u wirtijiet, kien hemm żieda fid-dħul mill-fundraising l-aktar dak tad-Dar tal-Providenza. Kien hemm ukoll dħul aktar mill-grants li jingħataw mill-Istat għal servizzi li qed toffri l-Knisja fosthom is-Seminarju Minuri, Dar Pirotta, Caritas, Istitut Ċini u l-Kummissjoni għar-Refuġjati. Rigward l-investimenti dawn baqgħu jagħtu l-istess dħul bħal qabel. Baqa’ jiżdied ukoll id-dħul minn ħlasijiet li jsiru għas-servizzi li jingħataw.
Fejn jidħlu l-ispejjeż, l-akbar waħda tibqa’ dik tal-impjegati lajċi u saċerdoti, għalkemm din l-ispiża baqgħet bħas-snin ta’ qabel. Warajha jiġu l-ispejjeż tal-operat li però naqas xi ftit mis-sena ta’ qabel. Ukoll naqsu l-ispejjeż ta’ proġetti u tiswijiet. Mill-banda l-oħra żdiedu l-ispejjeż tat-taxxa, tad-donazzjonijiet fosthom dik li saret lill-Moviment Żwieġ bla Divorzju, li kienet ta’ €189k, kif ukoll tad-depreciation li dan tela’ minħabba l-bini fl-iskola tas-Seminarju Minuri biex tiġi provduta skola primarja.
Jidher ċar li waqt li l-ħidma pastorali tal-Knisja f’Malta hi mifruxa ħafna u titlob kontinwament spejjeż enormi biex topera, fl-istess ħin għandha spejjeż kbar oħra biex tieħu ħsieb il-propjetà li minnha qed topera. Dan kollu qed iġib piż finanzjarju fuq l-amministrazzjoni kemm ċentrali kif ukoll tal-entitajiet li jappartjenu lill-Knisja f’Malta.
Għalhekk waqt li b’dan ir-rapport nixtiequ nagħtu stampa ċara tal-fatti, nitolbu li dan iqanqal lill-Insara tagħna jifhmu l-bżonn li jibqgħu jkunu ġenerużi bil-kontribuzzjonijiet tagħhom, mhux biss għall-ħidmiet soċjali li qed toffri, mhux biss għall-opri artistiċi ġodda li jista’ jkun hemm bżonn li jsiru fil-komunitajiet tagħna, imma jingħata kas ukoll tal-ħidma pastorali li trid titwettaq mill-Knisja l-aktar fejn tidħol il-formazzjoni Nisranija kemm tal-istess poplu ta’ Alla, kif ukoll tal-formazzjoni ta’ dawk il-persuni li qed jagħtu s-servizzi tagħhom, l-irranġar b’mod adegwat tal-propjetà fejn issir din il-ħidma pastorali, kif ukoll l-użu tat-teknoloġija ġdida li tkun trid biex tadatta l-operat pastorali għaż-żminijiet tal-lum.