-
-
L-omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi
-
Il-Knisja Parrokkjali ta’ San Nikola ta’ Bari, is-Siġġiewi
30 ta’ Ġunju 2019“Missier tagħna għażiż Nikola, fl-art u s-sema qaddis kbir.” Dawn l-ewwel kelmiet tal-innu lill-patrun għażiż ta’ din il-parroċċa, San Nikola, diġà jispjegaw ħafna fuqu. San Nikola hu wieħed mill-qaddisin l-aktar għeżież u popolari fil-Knisja mad-dinja kollha. Hu meqjum f’tant postijiet b’devozzjoni u mħabba kbira.
Sa mill-eqdem żminijiet kienet ħajja d-devozzjoni u r-rabta li ma tinħallx tas-Siġġiwin ma’ dan il-qaddis li twieled f’Patara, fl-Asja Minuri, illum it-Turkija, fit-tieni nofs tas-seklu tlieta. Baqa’ magħruf bħala ‘San Nikola ta’ Bari’ għax fis-sena 1087 numru ta’ baħrin minn Bari ħadu l-ġisem ta’ Nikola ġewwa Bari fejn imbagħad bnew knisja kbira, u bis-saħħa ta’ dan id-devozzjoni setgħet tixtered ħafna aktar.
Illum nistedinkom inħarsu lejn San Nikola u fih naraw dak li jfisser ismu. Il-kelma ‘Nicholaus’ tfisser ‘ir-rebħa tal-poplu’. San Nikola jirrappreżenta r-rebħa tal-poplu; tal-poplu tas-Siġġiewi imma wkoll tal-poplu Nisrani.
Għaliex rebbieħ? Rebbieħ għax ta’ Kristu, qabel xejn. Ħa naraw ftit għaliex din ir-rebħa toħroġ daqshekk b’mod sabiħ f’Nikola, fl-istejjer ta’ ħajtu u fl-ikonografija marbuta miegħu. Insemmi ħames punti li juru r-rebħa li naraw fil-ħajja ta’ dan il-qaddis.
Rebbieħ għax bniedem ta’ qalb kbiraSan Nikola twieled ġo familja sinjura u wiret ħafna ġid. Imma għaraf li dak li kellu kien għandu mhux biex jaħżnu, irekknu jew jiffanga fih, imma biex bih jagħmel il-ġid lill-bnedmin.
Waħda mill-istejjer li baqgħet tant magħrufa turi sewwasew din il-qalb kbira u ġeneruża ta’ Nikola. Hi l-istorja tar-raġel li kellu tliet ulied xebbiet u waslu biex jiżżewġu imma ma kellhomx flus għad-dota. Il-missier ried isib mezz biex iġib il-flus u beda jaħseb f’mezzi mhux dinjitużi għal dan l-iskop – kien qed jaħseb li dawn ix-xebbiet ibigħu lilhom infushom biex idaħħlu l-flus li kien hemm bżonn. Nikola sar jaf b’dan u pprepara borża bil-muniti tad-deheb u fis-satra tal-lejl waddabha biex jitħallas iż-żwieġ tal-ewwel tifla. Imbagħad ħejja borża oħra u waddab il-flus għat-tieġ tat-tieni tifla. L-istess għamel għat-tielet. Missier l-għarajjes ried ikun jaf min kien dan il-benefattur u għamillu għassa u nduna li kien Nikola li kien qed iwaddab il-flus. Imma Nikola ma ried lil ħadd ikun jaf b’din l-għotja ġeneruża tiegħu.
F’din l-istorja, naraw lil Nikola rebbieħ għax bniedem ta’ qalb kbira. Dawk it-tliet boroż ta’ flus hu ċċaħħad minnhom biex tliet persuni setgħu jgħixu b’dinjità. Il-karità m’għamilhiex bid-daqq tat-trombi imma għamilha b’mod li ħadd ma jinduna biha. Fehem li l-Mulej jara l-qalb. Hi din l-istorja li mbagħad kellha tiżviluppa tant snin wara f’Santa Klaus li jġib ir-rigali lit-tfal; din l-istorja turina tassew lil San Nikola rebbieħ.
… jgħinna nkunu Nsara ta’ qalb kbira …
L-ewwel talba li nixtieq nagħmel illum lil San Nikola hi biex jgħinna nkunu Nsara ta’ qalb kbira, ta’ solidarjetà ma’ dawk li huma fil-bżonn, ta’ difiża tad-dgħajfa u dawk li huma vittmi tal-inġustizzji. Jgħinna biex bħalu nagħrfu lil Kristu f’min qed ibati. Jgħinna niftakru li aħna nkunu rebbieħa mhux meta naraw kif se nisolħu n-nies biex nakkwistaw il-flus, mhux meta nistagħnew aħna minn fuq dahar ħaddieħor. Inkunu rebbieħa meta nagħmlu l-karità, meta nagħmluha mingħajr fanfarunati, meta nieqfu ma’ min qed ibati biex ngħinuh jgħix b’dinjità. Għandna l-eżempju tant sabiħ ta’ Papa Franġisku li jurina dan b’mod konkret ħafna. Nixtieq insemmi d-Dar tal-Providenza, dan il-post għażiż ħafna għalikom hawnhekk is-Siġġiewi u għażiż għall-poplu Malti, u nitlob biex dan il-post dejjem jibqa’ jsib nies ta’ solidarjeta’ bħal San Nikola ħalli jibqa’ jkun dan is-simbolu sabiħ fil-Knisja f’Malta u fis-soċjetà Maltija.
Rebbieħ għax ragħaj li jagħti ħajtuNikola kien jagħmel il-ġid minn meta kien għadu żgħir, frott tat-trobbija tajba li ħa mill-ġenituri tiegħu. Meta miet l-Arċisqof ta’ Mira u l-Isqfijiet tal-inħawi, il-kleru u l-poplu xtaqu jagħżlu wieħed ġdid. Kienu mnebbħin mill-Mulej biex jagħżlu lill-ewwel wieħed li jidħol il-knisja filgħodu, u dan kien Nikola, bniedem ta’ għerf u ta’ qalb kbira.
It-talba tiegħi hi li fil-Knisja jkollna dejjem ragħajja skont il-qalb ta’ Alla.
L-għażla kienet ta’ ragħaj li kien magħqud ma’ Kristu u li kien viċin in-nies. Għadda l-ħajja ta’ ministeru tiegħu bħala Isqof jagħti ħajtu għall-poplu. Ħadem u bata biex ikun tassew bħal Kristu r-ragħaj it-tajjeb. Nikola kellu wkoll żminijiet diffiċli ta’ umiljazzjoni bħala Isqof. Meta għadda mill-esperjenza iebsa tal-ħabs, kellu l-faraġ ta’ Ġesù u Marija. Imma ebda tbatija ma qatgħatlu qalbu fil-ħidma tiegħu ta’ isqof.
It-talba tiegħi hi li fil-Knisja jkollna dejjem ragħajja skont il-qalb ta’ Alla. Nitlob għalina l-Isqfijiet biex inkunu tassew ragħajja fuq l-eżempju ta’ Ġesù, ir-ragħaj it-tajjeb. U nitlob b’mod partikulari għas-saċerdoti. Is-Siggiewi għandu din it-tradizzjoni sabiħa ta’ tant saċerdoti, ragħajja li taw ħajjithom għall-poplu ta’ Alla f’Malta. Hawn xi wħud minnhom hawnhekk illum qed jikkonċelebraw, oħrajn qed jaħdmu f’diversi parroċċi, għandna numru sew ta’ kappillani li huma mis-Siġġiewi. Dejjem kien hemm din il-qalb sabiħa ta’ ragħaj li turi ruħha proprju fil-ħajja tas-saċerdoti kif ukoll ta’ tant nies oħra, reliġjużi u lajċi, li ssieħbu ma’ Kristu ragħaj fis-servizz tagħhom lill-komunitajiet. Għalhekk nixtieq nitolbuh lil San Nikola biex ikollna vokazzjonijiet ġodda ta’ rgħajja għall-qadi tal-poplu ta’ Alla. Kif smajna proprju llum fl-Evanġelju biex aħna nitolbu lil Sid il-ħsad biex jibgħat aktar ħaddiema fil-għalqa tiegħu, nitolbu li jkunu ħafna dawk li jwieġbu għal din is-sejħa, u li f’din il-parroċċa jkompli jkun hawn żgħażagħ li jwieġbu għas-sejħa tal-Mulej biex ikunu ragħajja skont il-qalb ta’ Alla.
Rebbieħ għax bniedem ta’ fidi qawwijaSan Nikola kien bniedem ta’ fidi qawwija. Kienet fidi konkreta u mhux tal-kliem biss. Kien ukoll bniedem li ma jibżax jistqarr il-fidi u ma jħalli lil ħadd iħawdu fiha.
Baqa’ msemmi għas-sehem tiegħu fil-Konċilju ta’ Nicea, fejn kien hemm Arju li kien jemmen li Ġesù Kristu hu bniedem biss, mhux Alla. Fil-Konċilju ta’ Nicea, kontra dawn l-ideat ta’ Arju, Nikola ddefenda l-verità li Ġesù hu l-Iben ta’ Alla, u li Alla hu l-Missier u l-Iben u l-Ispirtu s-Santu.
… li bħal San Nikola ma nibżgħux nistqarru l-fidi tagħna.
It-talba tiegħi hi li aħna nkunu nies li bħal San Nikola ma nibżgħux nistqarru l-fidi tagħna. Kultant jiġri li l-fidi qisna nfittxu li naħbuha, speċjalment meta nsibu ambjent ostili, jew indifferenti, jew ambjent li jikkundizzjonana. Kultant qisna naħsbu li wkoll biex irroddu s-salib—mhux fil-knisja fejn iroddu kulħadd imma f’postijiet oħra—irridu l-permess ta’ xi ħadd, u nibdew inħarsu madwarna biex naraw għandniex irroddu s-salib. San Nikola jgħallimna li l-istqarrija tal-fidi m’għandhiex tiddependi fuq il-kunsens ta’ min qiegħed maġenbna jew magħna, jew tal-parti l-kbira tan-nies. Dak li hu veru għandna nistqarruh bħala veru u nagħmlu dan bla biża’. Għalhekk it-talba li nixtieq nagħmel lil San Nikola hi biex inkunu nies ta’ fidi, li ma nistħux u ma nibżgħux nistqarru l-fidi tagħna, u nuruha fi kliemna u l-aktar f’għemilna.
Rebbieħ għax simbolu tal-għaqdaSan Nikola hu simbolu tal-għaqda fil-Knisja. Hu interessanti kif il-popolarità tiegħu mhijiex biss fost il-Kattoliċi, imma wkoll fost l-Ortodossi u diversi Protestanti, li għandhom tant knejjes tagħhom iddedikati lil San Nikola.
… li San Nikola jgħinna naħdmu għall-għaqda bejn l-Insara …
San Nikola hu dak li jgħaqqad flimkien il-knejjes u l-komunitajiet ekkleżjali. Il-ħidma għall-ekumeniżmu li aħna għandna nagħmlu u l-Knisja tixtieq li nagħmlu, tgħinna nagħrfu aktar lil xulxin, nitolbu flimkien, u naħdmu flimkien. Din il-ħidma ssib f’San Nikola bniedem ta’ ispirazzjoni kbira.
It-talba tiegħi hi li San Nikola jgħinna naħdmu għall-għaqda bejn l-Insara, u jgħinna niftakru li nkunu rebbieħa meta, kif talab il-Mulej mid-dixxipli tiegħu, inkunu “ħaġa waħda” u nagħtu xhieda sabiħa ta’ unità.
Rebbieħ għax protettur tal-ħajja d-dinjità umanaSan Nikola hu rebbieħ għax fih naraw tassew dak li kien iħares il-ħajja u d-dinjità tal-bniedem. Nafu l-istorja ta’ kif salva l-ħajja tat-tliet suldati li kienu se jaqtgħulhom rashom. Dan hu eżempju sabiħ ta’ kemm għal San Nikola kienet għażiża l-ħajja tal-bniedem. L-istess l-istorja tat-tlett itfal li reġa’ tahom il-ħajja hi wkoll turija tal-ħidma tiegħu favur il-ħajja.
… li nħarsu din il-ħajja umana mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha sat-tmiem naturali tagħha.
It-talba tiegħi hi li San Nikola jgħinna niftakru li nkunu rebbieħa meta nkunu dawk li nipproteġu l-ħajja umana, u li nħarsu din il-ħajja umana mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha sat-tmiem naturali tagħha. Quddiem il-proposta ta’ xi wħud f’Malta fi żmienna li meta l-ħajja umana tkun diġà mnissla, inkunu aħna li nagħżlu jekk inħalluhiex tgħix jew narmuhiex—pereżempju, għax ikun fiha xi difett, jew ma taqbilx mal-kriterji tagħna—nitolbuh lil San Nikola li jagħtina l-grazzja nagħmlu dejjem l-għażla li għamel hu ta’ protezzjoni tal-ħajja u l-ħarsien tad-dinjità ta’ kull bniedem. Hu f’dan żgur li għandna bżonn ħafna l-għajnuna tiegħu u f’dan li għandna bżonn li nieħdu l-eżempju tiegħu llum fis-soċjetà Maltija.
Grazzi għal dan il-qaddis rebbieħSan Nikola għadda ħajtu jagħmel il-ġid. Kompla jagħmel dan il-ġid ukoll wara mewtu, speċjalment ma’ dawk li kienu f’xi diffikultà u talbu l-protezzjoni tiegħu, anke permezz tal-manna, dak l-ilma safi li kien u baqa’ joħroġ mill-għadam tiegħu, għajn ta’ fejqan għal ħafna. Hemm tant stejjer sbieħ ta’ interċessjoni ta’ San Nikola b’mod li llum hu meqjum bħala patrun ta’ ħafna.
Illum ngħidu grazzi lill-Mulej għal dan il-qaddis rebbieħ; rebbieħ għax magħqud ma’ Kristu u kien ħaġa waħda miegħu; rebbieħ ukoll għax f’ħajtu ta xhieda ta’ karità kbira, ta’ fidi kbira; kien ragħaj li ta ħajtu, simbolu tal-unità, u protettur tal-ħajja u d-dinjità umana.
Nixtieq illum, filwaqt li nitlob għall-Arċipriet il-ġdid, l-ewwel festa tiegħu hawn, u s-saċerdoti ta’ din il-parroċċa, u s-saċerdoti li ħarġu minn din il-parroċċa u qed jagħmlu ħidma pastorali f’diversi postijiet f’Malta, kif ukoll ir-reliġjużi u l-lajċi, għalikom ilkoll, nixtieq li nagħlaq bit-talba li nsibuha fl-aħħar tal-innu sabiħ lil San Nikola:
Bierek lilna u lil dar-raħal
Żommna miegħek marbutin
Biex xejn qatt qlubna minn qalbek
Ma jifridhom minn xulxin.Inti l-anġlu ta’ ħajjitna
Inti d-dawl u l-qawwa tagħna
Fit-tiġrib li jdallam fuqna
Inti dejjem waqaft magħna✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju -