Ir-Relikwija Insinji ta’ San Tumas ta’ Akwinu se tinġieb f’Malta minn Ruma, biex tkun esposta mill-komunita’ Dumnikana tal-Birgu fil-bidu tal-festa Solenni f’ġieħ San Duminku.

Din is-sena, l-Ordni tad-Dumnikani qed tfakkar is-700 sena mill-kanonizazzjoni ta’ dan il-qaddis Dumnikan. Fid-dawl ta’ dan, ir-Relikwija Insinji ta’ San Tumas ta’ Akwinu ser tinġieb f’Malta nhar is-Sibt 19 ta’ Awwissu.

Iċ-ċelebrazzjoni ser tibda b’quddiesa mmexxija mill-Provinċjal P. Vince Micallef OP ġewwa l-Knisja Dumnikana tal-Lunzjata, fil-Birgu. Wara l-quddiesa, il-kleru, fratelli u l-lajċi Dumnikani ser jimxu lejn il-Knisja tat-Trinita’ Qaddisa fil-Birgu biex hemm jilqgħu ir-Relikwija ta’ San Tumas. Wara tittieħed lura lejn il-Knisja Dumnikana tal-Lunzjata, fejn tingħad il-Kurunella, isir il-kant tal-antifona u tingħata l-barka sagramentali.

Wara r-relikwija ser tkun esposta għall-qima tal-poplu fuq l-artal tal-qaddis ġewwa l-Knisja Dumnikana tal-Lunzjata, il-Birgu matul il-ġimgħa tal-festa ta’ San Duminku, li tilħaq il-qofol tagħha nhar il-Ħadd 27 t’Awwissu 2023.

Sors: Newsbook Malta