-
-
L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
-
1 ta’ Ġunju 2019
Il-Parroċċa San Ġwann tas-Salib, Ta’ Xbiex“U ġara, li huwa u jberikhom, infired minnhom u kien meħud fis-sema. Huma nxteħtu fl-art jagħtuh qima, u mimljin b’ferħ kbir reġgħu lura lejn Ġerusalemm” (Lq 24: 51-52). San Luqa jispjega l-esperjenza li qed infakkru llum b’dawn il-kliem. Huwa l-eku tal-Evanġelju tiegħu. L-Ewwel Qari joffrilna kitba tal-istess Luqa, il-bidu tal-Atti tal-Appostli. Dawn iż-żewġ kotba tal-Iskrittura miktubin mill-istess tabib, Luqa, huma ħaġa waħda. L-Evanġelju jispjegalna l-messaġġ u l-ħajja ta’ Ġesù, l-Atti tal-Appostli huwa b’xi mod il-ġrajja tal-bidu tal-Knisja, tal-ġisem ta’ Ġesu fid-dinja li huwa ħaj.
Wara l-40 jum ma abbandunahomx, il-wegħda tiegħu kienet: ‘Jiena nibqa’ magħkom dejjem sal-aħħar taż-żmien’.
Jiena għandi ferħ kbir li nkun magħkom illum biex niċċelebraw flimkien il-50 anniversarju, il-ġublew tad-deheb, ta’ din il-parroċċa mwaqqfa fl-1 ta’ Ġunju 1969. Il-providenza riedet li qegħdin infakkru din il-festa solenni, ta’ tlugħ il-Mulej fis-sema. L-ewwel ħaġa li rridu niftakru huwa li din il-festa ma tiċċelebrax it-tluq ta’ Ġesù, imma t-tlugħ tiegħu. U t-tlugħ tiegħu huwa l-glorja li nagħta lill-Missier u li permezz tagħha huwa jidħol għalina, kif tgħid l-Ittra lil-Lhud, jidħol għalina quddiem il-Missier. Hu jsejħilna l-familja tiegħu, mela t-tlugħ ta’ Ġesu huwa l-glorja tiegħu li permezz tagħha huwa tassew qrib tagħna. Għalkemm għamel 40 jum, kif jispjega San Luqa fl-Ewwel Qari li smajna, jidher b’mod viżibbli lid-dixxipli biex ikollhom persważjoni tal-qawmien tiegħu mill-imwiet. Wara l-40 jum ma abbandunahomx, il-wegħda tiegħu kienet: ‘Jiena nibqa’ magħkom dejjem sal-aħħar taż-żmien’.
Illum anzi qegħdin niċċelebraw din il-qawwa ta’ Ġesu li jkun magħna, il-glorja tiegħu u l-wegħda tal-Ispirtu s-Santu li aħna niċċelebraw bħal-lum ġimgħa, u mal-qawwa ta’ Ġesu u l-qawwa ta’ Alla li bih aħna l-familja t’Alla. Ħamsin sena ilu din il-komunità ngħatat status partikolari: bdiet tissejjaħ parroċċa. Għax il-parroċċa mhijiex la l-bini, u la l-patrijiet, u la t-toroq. Il-parroċċa hija intom mal-patrijiet u mal-isqof. Aħna l-parroċċa. Il-parroċċa hija komunità ta’ Nsara mgħammdin li hi l-familja ta’ Alla llum fuq din l-art. Meta f’komunità grupp ta’ nies jingħataw l-istatus fil-knisja tal-parroċċa qed jingħataw ukoll missjoni partikolari. Anke għaliex il-kelma ‘parroċċa’ vvintajnieha aħna l-Insara. Kif tafu aħna l-Insara nħobbu nissellfu l-affarijiet u ngħammduhom. Il-festi pagani nissellfuhom u ngħammduhom. Il-Milied kienet festa tas-Sol Invictus, issellifnieha u għammidnieha u hekk affarijiet oħrajn. Il-kelma djoċesi ssellifnieha mill-Imperu. Kienet tfisser distrett fl-Imperu (diokesis); imma l-parroċċa, il-kelma ‘parroċċa’ twieldet fil-komunità tagħna. U meta wieħed jifhem xi tfisser, jifhem ukoll il-missjoni tagħna.
L-Insara kienu jafu li qegħdin fid-dinja għal ftit żmien. Veru ħadd ma għandu għaġla speċjali biex jitlaq, sewwa? Anzi jiena nħobb lin-nies ngħallimhom din it-talba, inħobb ngħidha lil Ġesù: ‘Ġesu meta trid int, imma m’iniex imgħaġġel’. Imma mgħaġġel jew m’intix, ħin minnhom jiġi l-ħalliel u jħabbat u allura l-Insara kienu jixxenqu waqt li qegħdin fid-dinja attivi ħafna, kienu jixxenqu li jkunu ħaġa waħda ma’ Ġesù. Nisimgħu lil Pawlu l-Appostlu Missierna jitkellem fuq ix-xewqa kbira tiegħu, jgħid: “Jinħall mill-irbit ta’ dal-ġisem u jingħaqad ma’ Kristu”, tant qaddisin – San Ġwann tas-Salib, wieħed mill-kbar, li għallimna dan id-distakk mid-dinja, imma fl-istess ħin għallimna wkoll l-imħabba vera.
Jekk għandek il-paċi ġo qalbek qed tgħix fl-antiporta tal-ġenna. Ġesù rxoxt tislima waħda kellu: “Il-paċi magħkom”.
U allura bil-Grieg kien hemm verb li għammduh l-Insara li dik li tkun barrani, li tkun parokoi. Allura vvintaw l-verb parakeo li int tgħix bħallikieku barrani fuq l-art. Iftakru l-espressjoni sabiħa ta’ San Pawl: “Aħna pajżana tas-sema. Aħna pajżana tas-sema pajjiżna” Minn hemm nistennew li jiġi l-Mulej, is-Sultan tal-Glorja. Aħna pajżana tas-sema pajjiżna. U minn paroikeo ġiet paroikia – komunità li qed tgħix f’din id-dinja imma taf li d-destin tagħha, il-passaport veru tagħha huwa l-ġenna. U dik hija li tagħmilna parroċċa. Parroċċa ġejja minn paroikia, minn din il-kelma li vvintaw l-Insara tal-bidu u li baqgħet bħala kelma għall-komunità.
Meta komunità, grupp ta’ Nsara, l-isqof f’isem il-Knisja jagħtihom dan l-istatus, qed jikkonfermahom f’din is-sejħa: xammar il-kmiem ta’ din id-dinja, ħobb, aħdem, ħu ħsieb tiegħek innifsek u ta’ sħabek, imma ħsiebek jibqa’ fil-ġenna. Tgħiduli: ‘Il-ġenna min jaf?’ Il-ġenna tibda minn hawn, l-aħwa ta. Anke l-infern jibda minn hawn. U tgħiduli: ‘Kif tagħmel id-differenza?’ Jekk għandek il-paċi ġo qalbek qed tgħix fl-antiporta tal-ġenna. Ġesù rxoxt tislima waħda kellu: “Il-paċi magħkom”.
Hu x’qal, nagħtikom ħafna flus – qatt ma qalilna hekk Ġesù. “Nagħtikom il-paċi tiegħi.” U din il-ħaġa nfakkruha f’kull quddiesa: nagħtikom il-paċi tiegħi. Il-komunità parrokkjali hija msejħa biex tkun oażi ta’ paċi, ta’ komunjoni, ta’ xogħol flimkien, ta’ ambjent fejn kulħadd jiġi stmat bl-istess dinjità tal-imgħammdin u kulħadd għandu r-rwol, veru differenti, imma importanti. Illum xi ħadd naddaf il-knisja, xi ħaddieħor għamel il-fjuri, għandna l-grazzja li nisimgħu kant sabiħ – hemm min imexxih dal-kant, hawn is-saċerdoti li qed jagħtu ħajjithom għal din il-komunità, hawn il-ġenituri jieħdu ħsieb uliedhom, hawn iż-żgħażagħ joħolmu b’ħajja ġdida, hawn l-anzjani li jagħnu l-komunità bl-għerf u l-esperjenza, kulħadd skont id-don mogħni lilu. Imma l-parroċċa hija msejħa biex tkun għalina l-antiporta tal-ġenna, li inti meta tidħol f’dil-knisja kkonsagrata lil Alla, tħossok at home għaliex din veru dar t’Alla kkonsagrata lilu, imma hija d-dar fejn il-familja ta’ Alla tiltaqa’.
Ir-responsabbiltà tagħna hija li aħna naħdmu għall-komunjoni ta’ bejnietna, għall-paċi bejnietna.
It-talba, għalija, għal din il-komunità hija li aħna ngħixu dak il-ferħ kbir li ħassew id-dixxipli huma u jsellmu lil Ġesù. Ma kinitx firda li ġabitilhom in-niket. “Inxteħtu fl-art jagħtuh qima u mimlijin b’ferħ kbir reġgħu lura lejn Ġerusalemm” (Lq 24:52). U f’Ġerusalemm qagħdu l-ħin kollu fit-tempju jbierku lil Alla, jistennew il-miġja tal-Ispirtu s-Santu. Aħna u nirringrazzzjaw lil Alla ta’ dawn il-50 sena ta’ attività parrokkjali, ta’ ħajja parrokkjali, nirringrazzjaw lil Alla tal-kappillani li mexxew lil din il-komunità, tal-Patrijiet Tereżjani li ħadmu hawn, ta’ tant parruċċani. Il-Mulej tahom din il-parroċċa bħala l-familja tagħhom u llum qegħdin igawdu wiċċ tal-Mulej. Ir-responsabbiltà tagħna hija li aħna naħdmu għall-komunjoni ta’ bejnietna, għall-paċi bejnietna. U li tagħtina x’tagħtina l-ħajja, għax il-ħajja nżul u tlajja’, aħna nibqgħu b’ħarsitna fuq Ġesù li minn fuq is-salib uriena xi tfisser l-imħabba vera u llum fit-tlugħ tiegħu fis-sema jgħidilna: “Jiena magħkom dejjem sal-aħħar taż-żmien”.
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta -
Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Atti 18, 23-28
Salm: 46 (47), 2-3.8-9.10
Evanġelju: Ġw 16, 23b-28 -
-
-