-
-
L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
-
Il-Katidral ta’ San Pawl, l-Imdina
23 ta’ Ġunju 2019“Kulħadd kiel u xaba’ u l-bċejjeċ tal-ħobż li kien fadal ġabruhom fi tnax-il qoffa” (Lq 9:27). X’kienu kielu? Liema ikel kien xabba’ lil tant nies? Huwa l-ikel li kien offra Ġesù mill-imħabba tiegħu. Ma offriex dan l-ikel waħdu imma miegħu ġabar ukoll lid-dixxipli tiegħu, lill-appostli: “Agħtuhom intom x’jieklu” (Lq 9:13).
Dan ir-rakkont jiftħilna tieqa fuq il-qalb ta’ Ġesù u l-mod kif kien iħobb. “Resqu lejh it-tnax u qalulu: ‘Ibgħathom in-nies ħa jmorru lura fl-irħula u r-rziezet tal-qrib biex isibu fejn jistrieħu u jieklu xi ħaġa’” (Lq 9:12). L-istedina tat-tnax lil Ġesù kienet li jgħidilhom: ‘Jiena kellimtkom, fejjaqtkom ukoll, issa għall-ikel u l-mistrieħ ħudu ħsieb intom’. Ir-risposta tal-Imgħallem, tgħabbina b’responsabbiltà kbira. “M’għandniex aktar minn ħames ħobżiet u żewġ ħutiet” (Lq 9:13). Minn din l-offerta fqajra l-Mulej jitma’ ġemgħa kbira. “Imbagħad ħa l-ħames ħobżiet u ż-żewġ ħutiet, rafa’ għajnejh lejn is-sema, berikhom u qasamhom, u tahom lid-dixxipli biex inewluhom lin-nies. U kulħadd kiel u xaba’ u l-bċejjeċ tal-ħobż li kien fadal ġabruhom fi tnax-il qoffa” (Lq 9, 16-17).
“… dak li se jagħmel hu ma jagħmlux mingħajrna.”
Din is-sena, f’din l-okkażjoni, nixtieq li napprezzaw dak li għamel Ġesù. Dan kollu ma għamlux waħdu. L-insistenza tiegħu hija li aħna nkunu miegħu biex inwasslu l-imħabba tiegħu lid-dinja. Kważi kważi l-inkwiet tiegħu għan-nies li wara li semgħuh u wara li fejjaqhom, ma kellhomx fejn jistrieħu, ma kellhomx x’jieklu. Ġesù se jagħmel il-parti tiegħu imma aħna wkoll irridu nagħmlu l-parti tagħna għaliex dak li se jagħmel hu ma jagħmlux mingħajrna. Ġesù jrid jagħmlu permezz tagħna u magħna.
Hekk ukoll il-misteru tal-Ewkaristija meta awlillejl qabel ma bata, jiġifieri f’Ħamis ix-Xirka, qabad il-ħobż u qal: “Dan hu ġismi … qabad il-kalċi u qal: “dan hu demmi” (ara 1 Kor 11, 23-25). Ġesù ma waqafx hemm. Lit-tnax li dakinhar kienu miegħu qalilhom: “Agħmlu dan b’tifkira tiegħi” (1 Kor 11:25). It-tifkira mhijiex sempliċement kommemorazzjoni imma xi ħaġa li tiġġedded kull meta nirrepetu kliemu u għalhekk għazel li t-tnax ikunu dawk li jkomplu din il-memorja li hija ħajja, li hija t-tiġdid ta’ dak li għamel hu. Minkejja d-dgħufija u d-dnubiet tagħna, aħna s-saċerdoti ngħatajna din il-qawwa li bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu u bil-kelma ta’ Ġesù, il-ħobż jinbidel fil-ġisem tiegħu u l-inbid jinbidel fid-demm tiegħu.
“Il-bċejjeċ tal-ħobż li kien fadal ġabruhom fi tnax-il qoffa” (Lq 9:17). It-tnax-il qoffa jfakkruna fit-tnax-il appostlu u fit-tnax-il tribù ta’ Iżrael. Il-Mulej ipprovda għal dik il-ġemgħa nies imma ried li dak li għamel jixtered mad-dinja kollha. Meta aħna l-Kattoliċi rridu nfissru li l-kelma u l-qawwa ta’ Ġesù huma universali u li jinfirxu mad-dinja kollha, għandna niftakru f’dawn it-tnax-il qoffa.
It-tnax-il qoffa huma s-sejħa li dak li għamel Ġesù jinfirex mad-dinja, li jinġabar b’qima, ma jintremiex u ma jinħeliex imma wkoll jinfirex mal-erbat irjieħ tad-dinja. Ġerusalemm il-ġdida, il-belt li jrid jibni l-Mulej, għandha tnax-il bieb u fuq kull bieb hemm l-isem tat-tnax l-appostlu tal-Mulej. Dawn it-tnax-il qoffa mimlija bil-bċejjeċ tal-ħobż li kien fadal ifissru li l-Ewkaristija, dak li bih jixtieq jitmagħna l-Mulej jiġifieri bil-Kelma tiegħu u l-qawwa tal-ispirtu tiegħu, iridu jinfirxu mat-truf tal-artijiet kollha.
“… nitolbu ’l Mulej biex jitmagħna bil-ħobż ħaj li huwa hu, u jagħtina wkoll il-qawwa nkunu ta’ faraġ, ta’ wens u ikel għal ħaddieħor.”
Illum nirringrazzja lil Alla ta’ din is-sejħa waqt li nifhmu li aħna lkoll imsejħin minn Ġesù biex nitimgħu lill-aħwa bil-kelma t-tajba, bl-eżempju t-tajjeb, bil-ħobż materjali lil min għandu bżonnu, u bil-ħobż tal-Ewkaristija lil min jixxennaq għalih. Il-barka ta’ kull wieħed u waħda minna hija dik il-barka li jfakkarna fiha s-saċerdot qabel nitqarbnu: “Henjin dawk li huma mistiedna għall-ikla tal-Ħaruf’. Henjin, beati u mberkin. Aħna nħossuna mistiedna għal din l-ikla qaddisa u għalhekk nitolbu ’l Mulej biex jitmagħna bil-ħobż ħaj li huwa hu, u jagħtina wkoll il-qawwa nkunu ta’ faraġ, ta’ wens u ikel għal ħaddieħor.
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta -
Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Ġen 14, 18-20Salm: 109 (110), 1.2.3.4Qari II: 1 Kor 11, 23-26Evanġelju: Lq 9, 11b-17 -
-
-
-
-