-
-
L-ikona venerabbli ta’ Sidtna Marija ta’ Damasku, meqjuma fil-parroċċa Griega Kattolika li ġġib l-istess isem, u li tinsab fil-Belt Valletta, inġiebet Malta minn Rodi fis-sena 1530 mill-Ordni ta’ San Ġwann, flimkien mal-ikona ta’ Sidtna Marija l-Eleimonitria (il-Ħanina) u l-ikona ta’ Sidtna Marija ta’ Filermu. L-ikona tmur lura għall-ħdax/tnax-il seklu u hija ta’ qisien kbar (147.5 x 102.5 ċm). L-istudjuż magħruf tal-arti Biżantina, David Talbot Rice, mill-Università ta’ Edinburgu, jiddeskrivi l-ikona ta’ Sidtna Marija ta’ Damasku bħala “oġġett ta’ sbuħija u ta’ importanza storika liema bħalha, minbarra li hija espressjoni ta’ fidi.”
Elf sena ta’ ġiri minn post għall-ieħor u l-espożizzjoni għall-elementi naturali ħallew l-effett tagħhom fuq dan il-kapolavur artistiku u reliġjuż. L-aħħar darba li l-ikona sarulha xogħlijiet ta’ restawr kien bejn l-1963 u l-1966, fl-Istituto Centrale del Restauro, f’Ruma.
-
-
-
Issa, ħamsin sena wara, ġie deċiż li l-ikona jeħtiġilha intervent ta’ restawr sabiex dan it-teżor u wirt nazzjonali, jiġi kkonservat għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin. Se tintuża metodoloġija ta’ restawr u konservazzjoni li permezz tagħha jiġu indirizzati l-bidliet estetiċi, filwaqt li jinżammu ż-żebgħa u l-induratura oriġinali.
Il-parroċċa Griega Kattolika għandha l-pjaċir tħabbar li x-xogħol ta’ restawr se jsir mid-ditta Atelier del Restauro, immexxi mid-dottoressa Maria Grazia Zenzani u Valentina Lupo. Huwa maħsub li proġett jitlesta fi żmien disa’ xhur.
Il-parroċċa Griega Kattolika għandha l-pjaċir ukoll tgħarraf lill-pubbliku inġenerali, u lil dawk li jgħożżu l-arti sagra, b’mod partikulari, illi t-tim tal-Atelier del Restauro se jagħmel preżentazzjoni tal-proġett ta’ restawr u konservazzjoni tal-ikona ta’ Sidtna Marija ta’ Damasku nhar il-Ġimgħa, 22 ta’ Ġunju, 2018, fis-6:30pm, fil-knisja ta’ San Nikola (Tal-Erwieħ) fi Triq il-Merkanti, il-Belt Valletta.
Barra minn hekk, se jsiru żewġ preżentazzjonijiet oħra, waħda fi żmien erba’ xhur, li matulha jingħata tagħrif dwar l-istadju li jkun wasal fih ix-xogħol ta’ restawr, u preżentazzjoni finali, fi żmien disa’ xhur, meta l-proċess tar-restawr ikun mitmum.
Dettalji dwar iż-żewġ preżentazzjonijiet li jmiss jingħataw aktar tard.