Nhar l-Erbgħa 6 ta’ Marzu 2013, fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta, l-Arċisqof Pawlu Cremona O.P., l-Isqof Mario Grech u l-Isqof Awżiljarju Charles J. Scicluna ser jiċċelebraw Quddiesa ta’ radd il-ħajr lil Alla għas-servizz li l-Papa Benedittu XVI ta lil Kristu, lill-Knisja, u lill-familja kollha umana tul il-pontifikat tiegħu.
F’din il-Quddiesa se jsir ukoll talb biex il-Mulej jagħti lill-Knisja suċċessur ta’ Pietru, Vigarju ta’ Kristu u ragħaj tal-Knisja. Fi tmiem il-Quddiesa tibda adorazzjoni ewkaristika.
Intant, matul din il-ġimgħa, fil-parroċċi u l-knejjes kollha f’Malta qed issir quddiesa ta’ radd il-ħajr għall-Papa Benedittu XVI. Illum, f’nofsinhar, indaqqet mota ta’ kwarta mill-knejjes kollha, b’sinjal ta’ radd il-ħajr lil Alla.
Qabel jibdew il-konklavi, fil-knejjes kollha tad-djoċesi, ser tiġi ċċelebrata Quddiesa għall-għażla tal-Papa li tkompli b’nofs siegħa adorazzjoni. Il-bidu tal-konklavi jitħabbar mill-knejjes kollha billi fil-jum tal-ftuħ tindaqq mota ta’ kwarta fit-tmienja ta’ filgħodu.
Malli titħabbar tal-għażla tal-Papa u jitħabbar ismu, il-Knisja lokali tingħaqad mal-Bażilka ta’ San Pietru fil-Belt tal-Vatikan u tagħti din l-aħbar ta’ ferħ bid-daqq ta’ mota ta’ kwarta.