-
-
L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
-
Knisja Parrokkjali, Marsaxlokk
8 ta’ Mejju 2018
Illum mat-tokki ta’ nofsinhar, f’diversi knejjes madwar id-dinja, kull fejn mis-sebħ sakemm tispiċċa din il-ġurnata qaddisa tat-8 ta’ Mejju jibqa’ jdoqq nofsinhar, l-Insara jinġabru biex jitolbu s-supplika għażiża lill-Madonna ta’ Pompej. Kull sena l-Arċisqof ta’ Malta jmur quddiem il-kwadru għażiż tal-Madonna ta’ Pompej li hemm fil-knisja tal-Ġiżwiti, il-Belt Valletta, u jgħid is-supplika f’isem il-poplu Malti kollu.
Bħal-lum il-qaddej ta’ Alla, Mons. Ġużeppi de Piro, wara li l-isqof ta’ dak iż-żmien talab is-supplika, ħass xi ħaġa qawwija fil-qalb tiegħu, issejjaħlu biex jitlaq id-dinja u jibda jipprepara ruħu għas-saċerdozju. Uliedu, il-membri tal-għaqda saċerdotali tal-Missjunarji ta’ San Pawl, jiġu kull sena fil-knisja tal-Ġiżwiti fil-Belt biex ifakkru dan il-mument importanti fil-ħajja ta’ dan il-qaddis, dan ir-raġel twajjeb Malti u qaddej ta’ Alla.
Dalgħodu waqt li kont qed niltlob din is-supplika, bħalma nagħmlu kull sena, irrepetejt dan il-kliem għażiż li fuqu nixtieq nibbaża r-riflessjoni qasira tiegħi llejla. “O Rużarju mbierek ta’ Marija, katina ħelwa li tgħaqqadna ma’ Alla, rabta ta’ mħabba li sseħibna mal-anġli, qawwa għall-ħelsien meta jaħbat għalina l-infern, port żgur mit-tempesti tal-ħajja, bieb tal-ħajja ta’ dejjem, aħna ma nħalluk qatt. Kun int il-hena tagħna waqt l-agunija, lilek l-aħħar bewsa tal-ħajja li se tkun se tintemm”.
Ir-rużarju huwa talba u t-talb huwa kollokju ma’ Alla
Ir-rużarju, fil-kliem tas-supplika lill-Madonna ta’ Pompej “huwa katina ħelwa li tgħaqqadna ma’ Alla”. Fis-sena 2002 meta San Ġwanni Pawlu II ried iħabbar tagħlim qaddis u mġedded dwar ir-rużarju, lejn l-aħħar tal-ittra appostolika tiegħu Rosarium Beatae Virginis juża din l-espressjoni sabiħa dwar ir-rużarju: “katina ħelwa li tgħaqqadna ma’ Alla”. Għax ir-rużarju huwa talba u t-talb huwa kollokju ma’ Alla. Aħna u nżebbġu l-kuruna tar-rużarju, nibdew bil-glorja lill-Qaddisa u Santissima Trinità, u nfakkru t-talba li għallimna Ġesù, it-talba tal-Missierna, u għal 10 darbiet intennu t-tislima tal-anġlu lil Marija. Aħna u ngħaddu minn dan ir-ritmu qaddis, il-qalb tagħna tistrieħ f’serenità kbira u nidħlu fid-djalogu mal-Mulej. It-talba tar-rużarju hija tassew katina ħelwa li tgħaqqadna ma’ Alla.
Imma fil-kliem tas-supplika lill-Madonna ta’ Pompej, ir-rużarju “hija rabta ta’ mħabba li sseħibbna mal-anġli”. Li ngħidu r-rużarju flimkien hija rabta tal-mħabba bejnietna. Kemm huma qaddisa dawk il-kliem li mbagħad irrepetihom ukoll San Ġwanni Pawlu II: “Il-familja li titlob flimkien tibqa’ flimkien” (the family that pray together stays together), u b’mod speċjali r-rużarju.
Kemm hi ħaġa mbierka u qaddisa — mhux biss fit-tradizzjoni ta’ missirijietna li kienu jiġbru l-familja kuljum biex jgħidu r-rużarju— li familji żgħażagħ għadhom jgħożżu din it-tradizzjoni. Kultant insib xi ħadd jgħidli: ‘Imma, Father, kif tgħidu r-rużajru?’ Kemm hi ħaġa sabiħa u qaddisa li ngħallmu lil uliedna u liż-żgħażagħ tagħna kif jgħidu r-rużarju.
Ir-rużarju huwa verament rabta ta’ mħabba li sseħibna mal-anġli li huma ħabbara tal-glorja ta’ Alla u li juruna r-rieda tal-Mulej.
Jien ma ninsa qatt lin-Nanna Nina —omm missieri— li fil-preċett lin-neputijiet kienet tagħtihom kuruna tar-rużarju, xi ħaġa li għamlitha wkoll ommi lin-neputijiet tagħna. Ħaġa qaddisa, rigal sabiħ. Niftakar postman qaddis ta’ Ħal Lija, Leli Grech, li kien għadu jgħożż il-kuruna li ta lill-mara fl-għerusija tagħhom, għax imbagħad mititlu u romol. Imħabba qaddisa, imħabba safja, imħabba mbierka bid-devozzjoni lejn Marija għax ir-rużarju huwa verament rabta ta’ mħabba li sseħibna mal-anġli, mal-anġli li huma ħabbara tal-glorja ta’ Alla u li juruna r-rieda tal-Mulej.
Fi kliem San Ġwanni Pawlu II: “Ir-rużarju huwa qawwa għall-ħelsien meta jaħbat għalina l-infern”. Meta nkunu fit-tentazzjoni, meta nkunu fl-ansjetà, meta naqgħu f’dipressjoni, meta aħna nkunu fil-periklu, ejjew nużaw din l-arma qawwwija kontra x-Xitan; din l-arma qawwija kontra s-setgħat tal-infern; din l-arma qawwija li hija l-kuruna u t-talba tar-rużarju. Għaliex bħalma kien iħobb jgħallem San Ġorġ Preca —li tiegħu għada niċċelebraw il-festa— ix-xitan jibża’ u jitwerwer minn Ommna Marija għaliex hija umli fejn hu supperv, hija safja fejn hu l-midneb li ma jridx jumilja ruħu quddiem Alla. Ir-rużarju huwa qawwa għall-ħelsien għaliex permezz tiegħu kontinwament ngħidu lil Alla: ‘Sinjur Alla, aħna għandna bżonnok, għandna bżonn il-protezzjoni tiegħek u l-ħarsien ta’ Ommok Marija’.
“Ir-rużarju huwa port sigur mit-tempesti tal-ħajja”. In-nies ta’ Marsaxlokk jafu, kif jgħid il-Malti, kemm il-baħar għandu żaqqu ratba imma rasu iebsa. Jafu x’jiġifieri meta toħroġ fuq baħar kalm imma mbagħad fil-maltemp issibu b’rasu iebsa. Ix-Xlukkajri jafu x’jiġifieri titritorna wara battikata fuq il-baħar u ssib il-port sigur li jressqek qrib il-maħbubin tiegħek. U għalhekk, fit-tradizzjoni qaddisa tagħhom, fuq il-baħar bir-raġun jitolbu t-talba tar-rużarju, fuq l-opri tal-baħar li fihom jippruvaw jaqilgħu l-għejxien tagħhom. Imma r-rużarju huwa port sigur għaliex jagħtina dik is-serenità li aħna qegħdin qrib il-Madonna, li l-Madonna ser tipproteġina: hi tgħallima pass pass il-ħajja ta’ Ġesù fit-tfulija tiegħu; fil-misteri qaddisa tad-dawl tgħallimna dak kollu li għamel għas-savazzjoni tagħna; kif fdiena bil-passjoni ħarxa u bil-mewt qaddisa tiegħu; u kif permezz tal-qawmien mill-imwiet u bit-tlugħ tiegħu fis-sema rebaħ fuq il-qawwa tal-ħażen; u kif ma ħalliniex weħidna imma bagħtilna l-Ispirtu qaddis tiegħu u f’Marija tana sinjal li l-glorja li hi tiegħu, hija tagħna wkoll, ta’ kull wieħed u waħda minna.
Għalina r-rużarju jkun ktieb li jiftħilna wkoll il-bieb tal-ħajja ta’ dejjem.
“Ir-rużarju huwa ktieb tal-ħajja ta’ dejjem” għaliex il-ħajja ta’ Ġesù li aħna nikkontemplaw u l-virtujiet ta’ Marija li aħna nqimu fir-rużarju, huma ktieb li jagħtuna t-tagħlim tal-ħajja ta’ dejjem, ktieb li jurina t-triq lejn il-ġenna. Ir-rużarju huwa ktieb tal-ħajja ta’ dejjem għaliex fih, waqt li aħna nammettu li aħna midinbin, lil Ommna Marija għal 50 darba ngħidulha: ‘Itlob għalina midinbin issa u fis-siegħa tal-mewt tagħna’. U din it-talba l-Madonna ma tinsihiex u tkun preżenti meta aħna rridu nagħmlu l-pass estrem u nidħlu fil-ħajja ta’ dejjem. U permezz tat-talb tagħna fejn nitolbuha tkun magħna fil-mument għażiż tal-mewt tagħna, hi tkun preżenti fil-mument għażiż ta’ dawk li nħobbu. Għalina r-rużarju jkun ktieb li jiftħilna wkoll il-bieb tal-ħajja ta’ dejjem.
Is-supplika tal-Madonna ta’ Pompej li tlabna f’nofsinhar illum, tikkonkludi dan l-eloġju tar-rużarju billi tgħid: “Rużajru mbierek ta’ Marija, aħna ma nħalluk qatt. Kun int l-hena tagħna waqt l-agunija, lilek l-aħħar bewsa tal-ħajja li tkun se tintemm”. Kemm hi ħaġa sabiħa meta l-għeżież tagħna, fil-punt tal-mewt tagħhom, iħaddnu l-kuruna tar-rużarju, kemm il-kbar u kemm iż-żgħar, għax il-mewt ma tħares lejn wiċċ ħadd u għandha kalendarju tagħha. Kemm hi ħaġa għażiża li l-kuruna tar-rużarju tkun fuqna dejjem sa miċ-ċokon. Aħna għallmuna li fil-but ikun hemm il-maktur u l-kuruna tar-rużarju, it-tnejn bżonnjużi u t-tnejn jagħmluk nies.
L-aħħar kelma li toħroġ minn fommna: “Ikun l-isem ħelu tiegħek, O Sultana tar-Rużarju, O Madonna, O Omm għażiża tagħna, O kenn tal-midinbin, O faraġ tal-imnikktin, tkun imbierka O Madonna ta’ Pompej kullimkien illum u għal dejjem, Ammen.”
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta -
Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Għerf 8, 22-31
Salm: 44, 11-17
Evanġelju: LQ 2, 15b-19
-
-
-
-
-
-
-
Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni Kurja – Ian Noel Pace