Fil-ġranet tal-llum mhumiex biss il-ġenituri li jrabbu lil ulied. Fit-tibdil li qed isehh fis-soċjeta’ tal-lum ħafna nanniet qed jispiċċaw irrabbu wkoll, kuljum, u ta’ spiss mhux b’għażla tagħhom. Ġeneralment huma jassumu r-rwol ta’ ‘babysitters’ biex jgħinu lil uliedhom biex b’hekk ma jħallsux spejjes ta’ ‘childcare’, jew sempliċiment bħala mezz biex jgħaddu ftit żmien man-neputijiet għeżież tagħhom, li bla dubju ta’ xejn, jimlewlhom ħajjithom bil-ferħ.
Iżda x-xenarju huwa differenti meta ż-żewġ ġenituri jaħdmu barra mid-dar. F’ ċertu każijiet it-tfal jitħallew man-nanniet sa minn kmieni filgħodu u jibqgħu magħhom sa tard bil-lejl, meta jkun sarilhom il-ħin biex jorqdu. L-għada filgħodu din ir-rutina terġa tirrepeti ruħha. Hawn ġenituri li qed ikunu ġenituri għal tmiem il-ġimgħa biss. Dan jiġri għaliex iħallu lil uliedhom man-nanniet matul il-gimgħa u jeħduhom id-dar fit-tmiem il-ġimgħa biss. Għalhekk nistaqsu: it-tfal ma’ min jrabbu rabta speċjali, u l-valuri u twemmin ta’ min jgħazlu li jħaddnu meta jiġri hekk?
Hi x’inhi is-sitważżjoni, ħafna nanniet jħossuhom viċin ħafna tan-neputijiet, u t-tfal irabbu rabta qawwija magħhom għax jgħaddu ħafna ħin flimkien. Fil-fatt xi studji juru li ħafna drabi t-tfal ikunu grati ħafna lejn in-nanniet, b’rikonoxximent għal l-imħabba u s-sostenn li jkunu rċevew. Huma jsostnu li din l-imħabba u l-istabilita’ għenithom biex jirnexxu fl-iskola, biex jitbgħedu mill-inkwiet u biex jiżvillupaw valuri morali u reliġjużi sodi.(Dobbin MacNab 2009).
Dan is-suġġett se jiġi trattat f’diskussjoni li se ssir nhar l-Erbgħa, 12 ta’Jannar 2011, fis-Sala Mons. Gonzi, fl-Istitut Kattoliku, l-Furjana fis 7.00 p.m. Is-Sinjura Helen D’Amato, Kummissarju għat-Tfal ser tindiriżża dan is-suġġett. Il-pubbliku huwa mistieden li jattendi.
Din it-taħdita hija oħra mis-serje ŻWIEĠ B’SAĦĦTU, li l-Moviment ta’ Kana qed iniedi bi skop li jippromovi ż-żwieg u familji b’sahhithom.