-
1. Alla m’hux indifferenti! Alla jimpurtah mill-bnedmin, Alla ma jitlaqhomx waħidhom! Fil-bidu ta’ din is-sena ġdida, nixtieq insieħeb b’din il-konvinzjoni qawwija tiegħi l-awguri ta’ barkiet kotrana u ta’ paċi, fis-sinjal tat-tama, għall-ġejjieni ta’ kull bniedem, ta’ kull familja, poplu u nazzjon tad-dinja, kif ukoll tal-Kapijiet ta’ l-Istat u tal-Gvern u tal-Mexxejja tar-reliġjonijiet. Ejjew ma nitilfux it-tama li s-sena 2016 tarana lkoll impenjati b’saħħa u fiduċja, fuq diversi livelli, biex inwettqu l-ġustizzja u naħdmu għall-paċi. Iva, din ta’ l-aħħar hi don ta’ Alla u opra tal-bnedmin. Il-paċi hi don ta’ Alla, imma li hu jafda lill-bnedmin kollha, li huma msejħa jwettquha.
Ngħożżu r-raġunijiet għat-tama
2. Il-gwerer u l-atti terroristiċi, bil-kosegwenzi traġiċi tagħhom, is-sekwestri ta’ persuni, il-persekuzzjonijiet għal raġunijiet etniċi jew reliġjużi, l-abbużi tal-poter, immarkaw is-sena l-oħra mill-bidu sa l-aħħar tagħha, u kontra qalbna jkollna ngħidu li mmultiplikaw ruħhom f’ħafna reġjuni tad-dinja, tant li ħadu l-fattizzi ta’ dik li nistgħu nsejħulha “it-tielet gwerra dinjija miġġielda biċċa biċċa”. Imma xi ġrajjiet li seħħu fl-aħħar snin u fis-sena li għadha kemm għaddiet iqanqluni, fid-dawl tas-sena l-ġdida, biex inġedded is-sejħa tiegħi ħalli ma nitilfux it-tama fil-ħila tal-bniedem, bil-grazzja ta’ Alla, li jegħleb il-ħażin u biex ma nintelqux għar-rassenjazzjoni u l-indifferenza. Il-ġrajjiet li qed nirreferi għalihom jirrappreżentaw il-ħila ta’ l-umanità li taħdem fis-solidarjetà, lil hemm mill-interessi individwalistiċi, l-apatija u l-indifferenza quddiem is-sitwazzjonijiet kritiċi.
Fost dawn nixtieq infakkar fl-isforz li sar biex tinżamm il-laqgħa tal-mexxejja dinjija, fl-ambitu tal-COP 21, biex infittxu toroq ġodda ħa naffrontaw il-bidliet fil-klima u nħarsu l-ġid ta’ din l-Art, id-dar komuni tagħna. U dan ifakkarna f’żewġ ġrajjiet li seħħu qabel fuq livell globali: is-Summit ta’ Addis Abeba biex jinġabru fondi għall-iżvilupp sostenibbli tad-dinja; u l-adozzjoni, min-naħa tal-Ġnus Magħquda, ta’ l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, bl-għan li matul din is-sena tiżgura ħajja iżjed dinjituża għal kulħadd, fuq kollox għall-popli foqra tal-pjaneta.
Is-sena 2015 kienet sena speċjali għall-Knisja, anki għax immarkat il-ħamsin anniversarju mill-pubblikazzjoni ta’ żewġ dokumenti tal-Konċilju Vatikan II li jesprimu b’mod l-iżjed elokwenti s-sens ta’ solidarjetà tal-Knisja mad-dinja. Il-Papa Ġwanni XXIII, fil-ftuħ tal-Konċilju, ried jiftaħ beraħ it-twieqi tal-Knisja biex bejnha u bejn id-dinja l-komunikazzjoni tkun iżjed miftuħa. Iż-żewġ dokumenti, Nostra ætate u Gaudium et spes, huma espressjonijiet emblematiċi tar-relazzjoni ġdida ta’ djalogu, solidarjetà u akkumpanjament li l-Knisja riedet toħloq fost il-bnedmin. Fid-Dikjarazzjoni Nostra ætate il-Knisja ġiet imsejħa tinfetaħ għad-djalogu ma’ l-espressjonijiet reliġjużi mhux Insara. Fil-Kostituzzjoni pastorali Gaudium et spes, ladarba “l-hena u t-tama, in-niket u t-tħassib tal-bnedmin tal-lum, fuq kollox tal-foqra u ta’ dawk kolha li jbatu, huma wkoll l-hena u t-tama, in-niket u t-tħassib tad-dixxipli ta’ Kristu”, il-Knisja riedet toħloq djalogu mal-familja tal-bnedmin dwar il-problemi tad-dinja, bħala sinjal ta’ solidarjetà u ta’ mħabba rispettuża.
F’din l-istess perspettiva, bil-Ġublew tal-Ħniena nixtieq nistieden lill-Knisja titlob u taħdem biex kull Nisrani jista’ jrawwam fih qalb umli u ħanina, li kapaċi xxandar u tixhed għall-ħniena, “taħfer u tagħti”, tinfetaħ “għal dawk kollha li qed jgħixu fl-iżjed periferiji eżistenzjali differenti li jeżistu, li spiss id-dinja moderna toħloq b’mod drammatiku”, bla ma taqa’ “fl-indifferenza li tbaxxi, fid-drawwa ta’ kuljum li tberred il-qalb u ma tħalliniex niskopru l-ġdid, fiċ-ċiniżmu li jeqred”.
Hemm ħafna raġunijiet biex nemmnu fil-ħila ta’ l-umanità li taħdem flimkien f’solidarjetà, waqt li tagħraf l-interkonnessjoni u l-interdipendenza tagħha, u żżomm għal qalbha lill-membri l-iżjed dgħajfa u l-ħarsien tal-ġid komuni. Dan l-atteġġjament ta’ korresponsabbiltà solidali nsibuh fl-għeruq tal-vokazzjoni fundamentali għall-imħabba bejn l-aħwa u għall-ħajja komuni. Id-dinjità u r-relazzjonijiet interpersonali jagħmluna dak li aħna bħala persuni umani, li Alla ried u ħalaqna fuq is-sura u x-xbieha tiegħu. Bħala ħlejjaq imżejna b’dinjità inaljenabbli aħna neżistu f’relazzjoni ma’ ħutna, li fil-konfront tagħhom għandna responsabbiltà u li magħhom naġixxu b’solidarjetà. ’Il barra minn din ir-relazzjoni, insibu ruħna inqas umani. Hu propju għalhekk li l-indifferenza hi theddida għall-familja tal-bnedmin. Meta aħna mexjin lejn sena ġdida, nixtieq nistieden lil kulħadd jagħraf dan il-fatt, biex negħlbu l-indifferenza u niksbu l-paċi.
Xi xejriet ta’ indifferenza
3. Bla dubju, l-imġiba ta’ min hu indifferenti, ta’ min jagħlaq qalbu biex ma jagħtix kas ta’ l-oħrajn, u ta’ min jagħlaq għajnejh biex ma jarax dak li hemm madwaru jew iwarrab biex ma jintmessx mill-problemi ta’ l-oħrajn, tikkaratterizza tipoloġija umana pjuttost mifruxa u preżenti f’kull żmien ta’ l-istorja. Madankollu, fi żmienna dan bla dubju ssupera l-isfera individwali u assuma dimensjoni globali biex hekk ipproduċa l-fenomenu tal-“globalizzazzjoni ta’ l-indifferenza”.
L-ewwel xejra ta’ indifferenza fis-soċjetà umana hi dik lejn Alla, li minnha toħroġ anki l-indifferenza lejn il-proxxmu u lejn il-ħolqien. Dan hu wieħed mill-effetti gravi ta’ umaniżmu falz u tal-materjaliżmu prattiku, flimkien ma’ ħsieb relattivistiku u niħilistiku. Il-bniedem jaħseb li hu l-awtur tiegħu nnifsu, ta’ ħajtu u tas-soċjetà; iħoss li jista’ jagħmel kollox waħdu u jimmira mhux biss li jieħu post Alla, imma li jgħaddi mingħajru; konsegwentement, jaħseb li m’hu midjun ma’ ħadd, ħlief miegħu nnifsu, u jippretendi li għandu biss drittijiet. Kontra dan il-mod żbaljat ta’ kif wieħed jara lilu nnifsu, Benedittu XVI ifakkarna li la l-bniedem u lanqas l-iżvilupp tiegħu m’għandhom il-ħila li waħidhom jagħtu s-sens aħħari lilhom infushom; u qablu Pawlu VI kien afferma li “l-idea vera ta’ l-umanità m’hix ħlief dik li tħares lejn Alla, li hu fuq kollox, filwaqt li nagħrfu s-sejħa li għaliha aħna msejħin u li tagħtina l-vera idea tal-ħajja tal-bniedem”.
L-indifferenza lejn il-proxxmu għandha bosta wċuħ. Hemm min iżomm ruħu infurmat tajjeb, jisma’ r-radju, jaqra l-ġurnali jew jara l-programmi televiżivi, imma dan jagħmlu b’mod distakkat, kważi biss bi drawwa: dawn il-persuni għandhom idea vaga tat-traġedji tal-ħajja li qed jifilġu lill-umanità imma ma jħossuhomx involuti, ma jgħixux il-kompassjoni. Din hi l-imġiba ta’ min jaf, imma jżomm ħarstu, ħsiebu u l-għemil tiegħu fuqu nnifsu. B’xorti ħażina naraw li ż-żieda fl-informazzjoni, propju fi żmienna, minnha nfisha ma tfissirx li hemm iżjed attenzjoni għall-problemi, jekk m’hix imsieħba minn ftuħ tal-kuxjenzi f’sens solidali. Anzi, dan jista’ jġib miegħu ċerta saturazzjoni li tilloppja u, f’ċertu sens, tirrelativizza l-gravità tal-problemi. “Xi wħud sempliċement jieħdu gost jitfgħu l-ħtija tal-ħażen tagħhom fuq il-foqra u l-pajjiżi foqra, b’ġeneralizzazzjonijiet xejn f’lokhom, u jippretendu li ħa jsibu s-soluzzjoni f’‘edukazzjoni’ li tikkalmahom u timmansahom biex ma jagħmlux iżjed ħsara. Dan isir iżjed irritanti jekk l-esklużi jaraw jikber quddiemhom dan il-kankru soċjali li hu l-korruzzjoni b’għeruqha hekk ħoxnin f’dawn il-pajjiżi – fil-gvernijiet, fost l-imprendituri u fl-istituzzjonijiet – hi x’inhi l-ideoloġija politika ta’ min qed imexxi”.
F’każi oħra, l-indifferenza tidher bħala nuqqas ta’ attenzjoni lejn ir-realtà ta’ madwarna, speċjalment dik l-aktar imbiegħda. Xi persuni jippreferu ma jfittxux, ma jinfurmawx ruħhom u jgħixu bil-ġid u l-kumditajiet tagħhom torox għall-karba ta’ wġigħ ta’ l-umanità batuta. Kważi bla ma ntbaħna, sirna m’aħniex kapaċi tiġina ħniena mill-oħrajn, mit-traġedji tagħhom, ma jinteressaniex nieħdu ħsiebhom, qisu dak li qed jiġrilhom kien responsabbiltà barranija għalina, li m’hix tagħna. “Meta aħna nkunu nħossuna f’sikkitna u komdi, żgur ninsew lill-oħrajn (ħaġa li Alla l-Missier ma jagħmel qatt), ma jinteressawniex il-problemi tagħhom, it-tbatijiet tagħhom u l-inġustizzji li jsofru… allura qlubna jaqgħu fl-indifferenza: waqt li jien inħossni relattivament tajjeb u komdu, ninsa lil min hu batut”.
La qed ngħixu f’dar komuni, ma nistgħux ma nistaqsux dwar il-qagħda ta’ saħħitha, kif ippruvajt nagħmel fil-Laudato si’. It-tinġis ta’ l-ilma u ta’ l-arja, l-abbuż bla ebda distinzjoni tal-foresti, il-qerda ta’ l-ambjent, spiss huma frott ta’ l-indifferenza tal-bniedem lejn l-oħrajn, għax kollox hu f’relazzjoni ma’ xulxin. L-istess kif l-imġiba tal-bniedem ma’ l-annimali tħalli effett fuq ir-relazzjonijiet tiegħu ma’ l-oħrajn, biex ma nitkellimx fuq min iħalli li jsir band’oħra dak li ma jissugrax jagħmel fid-dar tiegħu.
F’dawn il-każi u f’oħrajn, l-indifferenza fuq kollox tipprovoka għeluq u telqa, u hekk tispiċċa twassal għan-nuqqas ta’ paċi ma’ Alla, mal-proxxmu u mal-ħolqien.
Il-paċi mhedda mill-indifferenza globalizzata
4. L-indifferenza lejn Alla tmur lil hemm mill-isfera intima u spiritwali tal-persuna individwali u tolqot l-isfera pubblika u soċjali. Kif afferma Benedittu XVI, “teżisti rabta intima bejn il-glorifikazzjoni ta’ Alla u l-paċi tal-bnedmin fuq din l-art”. Fil-fatt, “mingħajr ftuħ lejn it-traxxendent, il-bniedem faċli jaqa’ priża tar-relattiviżmu u mbagħad isir diffiċli għalih jaġixxi skond il-ġustizzja u jimpenja ruħu għall-paċi”. Meta Alla ġie injorat u miċħud, ħaġa li wasslet lill-bniedem biex ma jagħraf l-ebda norma ’l fuq minnu nnifsu u biex jieħu bħala norma biss lilu nnifsu, dan ġab biss kefrija u vjolenza bla qies.
Fuq livell individwali u komunitarju, l-indifferenza lejn il-proxxmu, bint dik lejn Alla, tieħu l-aspett tal-passività u tat-telqa, li mħabba fihom jitwalu sitwazzjonijiet ta’ inġustizzja u bilanċ soċjali gravi, li, min-naħa tagħhom, jistgħu jwasslu għal kunflitti jew, f’kull każ, iġibu klima ta’ dwejjaq li, il-lum jew għada, tirriskja li tispiċċa fi vjolenza u nuqqas ta’ sigurtà.
F’dan is-sens, l-indifferenza, u t-telqa li tiġi minnha, huma nuqqas gravi kontra d-dover li kull pesuna għandha li tagħti sehemha, skond il-ħiliet tagħha u r-rwol li għandha fis-soċjetà, għall-ġid komuni, b’mod partikulari għall-paċi, li hi fost l-aktar ġid prezzjuż ta’ l-umanità.
Meta mbagħad tidħol fuq livell istituzzjonali, l-indifferenza fil-konfront ta’ l-oħrajn, tad-dinjità tagħhom, tad-drittijiet fundamentali tagħhom u tal-libertà tagħhom, imsieħba minn kultura moħħha fil-profitt u l-edoniżmu, min-naħa tagħha tiffavorixxi u tiġġustifika azzjonijiet u politika li jispiċċaw biex iġibu theddida għall-paċi. Dan l-atteġġjament ta’ indifferenza jista’ wkoll jasal biex jiġġustifika ċerta politika ekonomika deplorevoli, jiżviluppa f’inġustizzja, firdiet, vjolenzi, fid-dawl tal-kisbiet tal-ġid tal-persuna jew dawk tan-nazzjon. Fil-fatt, mhux darba jew tnejn il-proġetti ekonomiċi u politiċi tal-bnedmin ikollhom bħala għan tagħhom il-kisba jew iż-żamma tal-poter jew ta’ l-għana, anki bi prezz għoli għaż-żebliħ tad-drittijiet u l-ħtiġijiet fundamentali ta’ l-oħrajn. Meta l-popli jaraw miċħuda l-jeddijiet bażiċi tagħhom, l-ikel, l-ilma, is-servizz tas-saħħa u x-xogħol, huma ttentati jeħduhom f’idejhom bis-saħħa tagħhom.
Barra dan, l-indifferenza lejn l-ambjent naturali, meta tiffavorixxi d-deforestazzjoni, it-tinġis u l-katastrofi naturali li jżarmaw komunitajiet sħaħ mill-ambjent li fih jgħixu, u hekk jikkundannawhom għall-prekarjetà u n-nuqqas ta’ sigurtà, toħloq faqar ġdid, sitwazzjonijiet ġodda ta’ inġustizzja b’konsegwnezi spiss diżgrazzjanti f’termini ta’ sigurtà u ta’ paċi soċjali. Kemm gwerer saru u kemm oħrajn għad iridu jiġu miġġielda minħabba fin-nuqqas ta’ riżorsi jew biex iwieġbu għall-għatx ma jaqta’ qatt għar-riżorsi naturali?
Mill-indifferenza għall-ħniena: il-konverżjoni tal-qalb
5. Meta, sena ilu, fil-Messaġġ għall-Jum Dinji tal-Paċi “Mhux iżjed ilsiera, imma aħwa”, fakkart fl-ewwel ikona Biblika tal-fraternità umana, dik ta’ Kajjin u Abel (ara Ġen 4:1-16), għamilt hekk biex niġbed l-attenzjoni fuq kif ġiet traduta din l-ewwel fraternità. Kajjin u Abel huma aħwa. Ġejjin it-tnejn mill-istess ġuf, huma ugwali fid-dinjità u maħluqa fuq is-sura u x-xbieha ta’ Alla; imma l-fraternità tagħhom fil-ħolqien titfarrak. “Mhux biss Kajjin ma jistax jissaporti lil ħuh Abel, imma joqtlu għax jgħir għalih”. Il-qtil ta’ l-aħwa allura jsir il-forma tat-tradiment, u r-rifjut min-naħa ta’ Kajjin tal-fraternità ta’ Abel hu l-ewwel tiċrita fir-relazzjonijiet familjari ta’ fraternità, solidarjetà u rispett reċiproku.
Hawn jindaħal Alla biex isejjaħ lill-bniedem għar-responsabbiltà fil-konfront ta’ min hu bħalu, propju kif għamel meta Adam u Eva, l-ewwel ġenituri, kissru l-komunjoni tagħhom mal-Ħallieq. “U l-Mulej qal lil Kajjin: ‘Fejn hu ħuk Abel?’. U hu wieġbu: ‘Ma nafx. Jaqaw jien għassies ta’ ħija?’. U l-Mulej wieġbu: ‘X’għamilt! Leħen id-demm ta’ ħuk qiegħed jgħajjatli mill-art’” (Ġen 4:9-10).
Kajjin jgħid li ma jafx x’ġara minn ħuh, jgħid li m’hux l-għassies tiegħu. Ma jħossux responsabbli ta’ ħajtu, ta’ x’sar minnu. Ma jħossux involut. Hu indifferenti lejn ħuh, minkejja li huma marbuta b’għeruq komuni. Kemm hi ta’ swied il-qalb! Xi traġedja fraterna, familjari, umana! Din hi l-ewwel dehra ta’ l-indifferenza bejn l-aħwa. Imma Alla m’hux indifferenti: demm Abel għandu valur kbir f’għajnejh, u jitlob li Kajjin jintebaħ b’dan. Għalhekk Alla juri, sa mill-bidu ta’ l-umanità, li hu Dak li jinteressah mill-bniedem. Meta iktar tard ulied Israel isibu ruħhom fil-jasar ta’ l-Eġittu, Alla jindaħal mill-ġdid. Jgħid lil Mosè: “Jien ħarist u rajt it-tbatija tal-poplu tiegħi fl-Eġittu. U jien smajt il-karba tagħhom minħabba fl-argużini tagħhom u għaraft l-uġigħ tagħhom. Issa nżilt biex neħlishom minn idejn l-Eġizzjani u biex intellagħhom minn dik l-art u neħodhom f’art tajba u wiesgħa, f’art tnixxi ħalib u għasel” (Eż 3:7-8). Importanti ninnotaw il-verbi li jfissru l-intervent ta’ Alla: Hu jħares, jara, jisma’, jagħraf, jinżel, jeħles. Alla ma jibqax indifferenti. Hu attent u jagħmel xi ħaġa.
Bl-istess mod, f’Ibnu Ġesù, Alla niżel fost il-bnedmin, inkarna u kien solidali ma’ l-umanità, f’kull ħaġa, barra fid-dnub. Ġesù identifika ruħu ma’ l-umanità: “il-kbir fost ħafna aħwa” (Rum 8:29). Hu ma kkuntentax ruħu li jgħallem il-ġmiegħi, imma kien iħoss għalihom, speċjalment meta kien jarahom bil-ġuħ (ara Mk 6:34-44) u ma jafux x’ħa jaqbdu jagħmlu (ara Mt 20:3). Il-ħarsa tiegħu ma kinitx biss fuq il-bnedmin, imma anki fuq il-ħut tal-baħar, fuq l-għasafar ta’ l-ajru, fuq ix-xtieli u s-siġar, żgħar u kbar; kien iħaddan miegħu l-ħolqien kollu. Hu jara, bla dubju, imma ma jillimitax ruħu għal dan biss, għax hu jmiss mal-persuni, jitkellem magħhom, jindaħal għalihom u jagħmel il-ġid lil min hu fil-bżonn. Mhux hekk biss, imma jħalli min iqanqlu u jbikkih (ara Ġw 11:33-44). U jagħmel xi ħaġa biex iwaqqaf it-tbatija, in-niket, il-miżerja u l-mewt.
Ġesù jgħallimna nkunu ħanina bħall-Missier (ara Lq 6:36). Fil-parabbola tas-Samaritan it-tajjeb (ara Lq 10:29-37) jikkundanna lil min jibqa’ lura milli jagħti l-għajnuna tiegħu quddiem il-ħtieġa urġenti tal-proxxmu: “rah u baqa’ sejjer” (ara Lq 10:31,32). Fl-istess waqt, b’dan l-eżempju, Hu jistieden lis-semmiegħa tiegħu, u b’mod partikulari lid-dixxipli tiegħu, biex jitgħallmu jieqfu quddiem it-tbatija ta’ din id-dinja biex itaffuhielha, quddiem il-ġrieħi ta’ l-oħrajn biex idewwuhomlhom, bil-mezzi li għandhom, ibda mill-ħin li wieħed ikollu, minkejja l-ħafna xogħol. Fil-fatt, l-indifferenza spiss tfittex ġustifikazzjonijiet: fl-osservanza tal-preċetti ritwali, fl-għadd ta’ affarijiet li hemm bżonn isiru, fl-antagoniżmi li jżommuna mbiegħda minn xulxin, fil-preġudizzji ta’ kull xorta li jżommuna milli nkunu proxxmu għal ħaddieħor.
Il-ħniena hi l-qalb ta’ Alla. Għalhekk għandha tkun ukoll il-qalb ta’ dawk kollha li jqisu ruħhom membri tal-familja waħda kbira ta’ wliedu; qalb li tħabbat bil-qawwa kull fejn id-dinjità umana – mera tal-wiċċ ta’ Alla fil-ħlejjaq tiegħu – tkun qed tiġi mimsusa. Ġesù jwissina: l-imħabba lejn l-oħrajn – l-għorba, il-morda, il-ħabsin, dawk bla dar, saħansitra l-għedewwa – hi l-kejl li bih Alla jagħmel ħaqq mill-għemejjel tagħna. Minn dan jiddipendi d-destin etern tagħna. M’għandniex għax nistagħġbu li l-Appostlu Pawlu jistieden lill-Insara ta’ Ruma jifirħu ma’ min jifraħ u jibku ma’ min jibki (ara Rum 12:15), jew li jirrikkmanda lil dawk ta’ Korintu biex jagħmlu ġabriet b’sinjal ta’ solidarjetà mal-membri batuti tal-Knisja (ara 1 Kor 16:2-3). U San Ġwann jikteb: “Mela jekk wieħed għandu biex jgħix fid-dinja u jara ’l ħuh fil-bżonn u jagħlaq qalbu għalih, kif tista’ l-imħabba ta’ Alla tgħammar fih?” (1 Ġw 3:17; ara Ġak 2:15-16).
Dan hu għaliex “hu determinanti għall-Knisja u għall-kredibbiltà tat-tħabbira tagħha li tgħix u tkun hi l-ewwel li tagħti xhieda tal-ħniena. Mil-lingwaġġ u l-ġesti tagħha trid tgħaddi l-ħniena biex din tinfed il-qalb tal-bnedmin u tqanqalhom ħa jerġgħu jsibu t-triq li twassalhom lura għal għand il-Missier. L-ewwel verità tal-Knisja hi l-imħabba ta’ Kristu. B’din l-imħabba, li tasal sal-punt tal-maħfra u l-għotja tagħha nfisha, il-Knisja ssir qaddejja u medjatriċi għall-bnedmin. Għalhekk, fejn hemm il-Knisja, hemm għandha tidher ċara l-ħniena tal-Missier. Fil-parroċċi tagħna, fil-komunitajiet tagħna, fl-għaqdiet u fil-movimenti, insomma, kull fejn hemm l-Insara, kulħadd għandu jsib oasi ta’ ħniena”.
Hekk, anki aħna msejħin nagħmlu mill-imħabba, mill-kompassjoni, mill-ħniena u mis-solidarjetà programm veru ta’ ħajjitna, stil ta’ mġiba fir-relazzjonijiet tagħna ma’ xulxin. Dan jitlob il-konverżjoni tal-qalb: jiġifieri li l-grazzja ta’ Alla tibdel il-qalb tagħna tal-ġebel f’qalb tal-laħam (ara Eżek 36:26), li kapaċi tinfetaħ għall-oħrajn b’solidarjetà awtentika. Fil-fatt, dan hu wisq iżjed minn “xi sentiment ta’ ħniena u mogħdrija, bil-kemm tfissirha, għal tant nies, fil-qrib jew ’il bogħod, li għaddejjin minn ħafna tiġrib”. Is-solidarjetà “hi rieda soda u kostanti li timpenja ruħek għall-ġid ta’ kulħadd, jiġifieri għall-ġid ta’ kull bniedem u tal-bnedmin kollha, għaliex aħna lkoll responsabbli għal xulxin”, għax il-kompassjoni toħroġ mill-fraternità.
Mifhuma b’dan il-mod, is-solidarjetà ssir l-atteġġjament morali u soċjali li jwieġeb bl-aħjar mod għall-kuxjenza li għandu jkollna tal-pjagi ta’ żmienna u ta’ l-interdipendenza ovvja li teżisti dejjem iżjed, speċjalment f’dinja globalizzata, bejn il-ħajja ta’ l-individwu u tal-komunità tiegħu f’post determinat u dik ta’ rġiel u nisa oħra fil-bqija tad-dinja.
Nippromovu kultura ta’ solidarjetà u ħniena biex negħlbu l-indifferenza
6. Is-solidarjetà bħala virtù morali u mġiba soċjali, frott tal-konverżjoni pesonali, tesiġi impenn min-naħa ta’ bosta suġġetti, li għandhom responsabbiltà ta’ karattru edukattiv u formattiv.
L-ewwel ħsieb tiegħi jmur lejn il-familji, imsejħin għal missjoni edukattiva primarja u essenzjali. Huma l-ewwel post li fih ngħixu u ngħaddu l-valuri ta’ l-imħabba u tal-fraternità, tal-konvivenza u tal-qsim ma’ xulxin, ta’ l-attenzjoni u ta’ l-għożża tal-persuna l-oħra. Huma wkoll il-post ipprivileġġjat mnejn tgħaddi l-fidi, ibda minn dawk l-ewwel ġesti sempliċi ta’ devozzjoni li l-ommijiet jgħallmu lil uliedhom.
F’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-edukaturi u dawk responsabbli mill-formazzjoni li, fl-iskola jew fid-diversi ċentri fejn jinġabru t-tfal u ż-żgħażagħ, għandhom id-dmir impenjattiv li jedukaw lit-tfal u liż-żgħażagħ, dawn huma msejħa jagħrfu li r-responsabbiltà tagħhom tolqot id-dimensjoni morali, spiritwali u soċjali tal-persuna. Il-valuri tal-libertà, tar-rispett reċiproku u tas-solidarjetà jistgħu jiġu trasmessi sa mill-età l-iżjed tenera. Meta kellem lir-responsabbli ta’ l-istituzzjonijiet li għandhom missjoni edukattiva, Benedittu XVI afferma: “Kull ambjent edukattiv jista’ jkun lok ta’ ftuħ għat-traxxendent u għall-oħrajn; post ta’ djalogu, ta’ koeżjoni u ta’ smigħ, fejn iż-żagħżugħ iħossu mogħti valur fil-potenzjalitajiet tiegħu u għana interjuri, u jitgħallem japprezza lil ħutu. Jista’ jgħallem kif wieħed jiggosta l-ferħ li jiġi milli wieħed jgħix jum wara l-ieħor l-imħabba u l-ħniena mal-proxxmu u milli jieħu sehem attiv fil-bini ta’ soċjeta iżjed umana u fraterna”.
Anki l-operaturi kulturali u tal-mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali għandhom responsabbiltà fil-qasam ta’ l-edukazzjoni u tal-formazzjoni, speċjalment fis-soċjetajiet ta’ żmienna, fejn l-aċċess għal għodda ta’ informazzjoni u ta’ komunikazzjoni dejjem hu iżjed mifrux. Hu xogħolhom qabel xejn li jingħataw għas-servizz tal-verità u mhux ta’ interessi partikulari. Il-mezzi ta’ komunikazzjoni, fil-fatt, “mhux biss jinfurmaw, imma anki jiffurmaw l-ispirtu tad-destinatarji tagħhom, u għalhekk jistgħu jagħtu kontribut qawwi fl-edukazzjoni taż-żgħażagħ. Importanti nżommu f’moħħna li r-rabta bejn edukazzjoni u komunikazzjoni hi stretta ħafna: l-edukazzjoni, fil-fatt, tiġi permezz tal-komunikazzjoni, li tħalli effett, pożittiv jew negattiv, fuq il-formazzjoni tal-persuna”. L-operaturi kulturali u tal-midja għandhom ukoll jaraw li l-mod kif tinkiseb u tixtered l-informazzjoni jkun dejjem ġuridikament u moralment leċitu.
Il-paċi: frott ta’ kultura ta’ solidarjetà, ħniena u kompassjoni
7. Konxji mit-theddida ta’ globalizzazzjoni ta’ l-indifferenza, ma nistgħux ma nagħrfux li, fix-xenarju mfisser hawn fuq, jidħlu wkoll bosta inizjattivi u azzjonijiet pożittivi li jixhdu għall-kompassjoni, il-ħniena u s-solidarjetà li kapaċi juri l-bniedem. Nixtieq infakkar f’xi eżempji ta’ impenn li ta’ min ifaħħarhom, li juru kif kull wieħed jista’ jegħleb l-indifferenza meta jagħżel li ma jwarrabx ħarstu minn fuq il-proxxmu tiegħu, u li huma prattika tajba fil-mixja lejn soċjetà iżjed umana.
Hemm ħafna organizzazzjonijiet mhux governattivi u gruppi ta’ karità, fi ħdan il-Knisja u barra minnha, fejn il-membri, meta jinqalgħu epidemiji, traġedji naturali jew kunflitti armati, jaffrontaw taħbit u perikli biex idewwu l-ġrieħi u l-morda u biex jidfnu lill-mejtin. Magħhom, nixtieq insemmi l-persuni u l-għaqdiet li jgħinu lill-immigranti li jaqsmu deżerti u ibħra jfittxu ħajja aħjar. Dawn l-għemejjel huma opri ta’ ħniena korporali u spiritwali, li fuqhom għad isir ħaqq minna fl-aħħar ta’ ħajjitna.
Ħsiebi jmur ukoll fil-ġurnalisti u l-fotografi li jinfurmaw lill-opinjoni pubblika fuq is-sitwazzjonijiet diffiċli li jinterpellaw il-kuxjenzi, u f’dawk li jimpenjaw ruħhom għall-ħarsien tad-drittijiet umani, b’mod partikulari dawk tal-minoranzi etniċi u reliġjużi, tal-popli indiġeni, tan-nisa u tat-tfal, u ta’ dawk kollha li jgħixu f’kundizzjonijiet ta’ vulnerabbiltà ikbar. Fosthom hemm ukoll tant saċerdoti u missjunarji li, bħal ragħajja tajba, jibqgħu qrib tal-fidili tagħhom u jweżnuhom minkejja l-perikli u l-iskumditajiet, b’mod partikulari matul il-kunflitti armati.
Kemm familji, imbagħad, qalb tant diffikultajiet soċjali u ta’ xogħol, jimpenjaw ruħhom b’mod konkret biex jedukaw lil uliedhom “kontra l-kurrent”, ħaġa li tiswielhom tant sagrifiċċji, għall-valuri tas-solidarjetà, tal-kompassjoni u tal-fraternità! Kemm familji jiftħu qlubhom u djarhom għal min hu fil-bżonn, bħar-rifuġjati u l-immigranti! Nixtieq nirringrazzja b’mod partikulari lill-persuni kollha, il-familji, il-parroċċi, il-komunitajiet reliġjużi, il-monasteri u s-santwarji, li wieġbu fil-pront għall-appell tiegħi biex jilqgħu għandhom familja ta’ rifuġjati.
Fl-aħħar nett, nixtieq insemmi liż-żgħażagħ li jingħaqdu flimkien biex iwettqu proġetti ta’ solidarjetà, u lil dawk kollha li jiftħu dirgħajhom biex jgħinu lill-proxxmu fil-bżonn fl-ibliet tagħhom, f’pajjiżhom jew f’reġjuni oħra tad-dinja. Nixtieq nirringrazzja u nagħmel il-qalb lil dawk kollha li jimpenjaw ruħhom f’għemejjel ta’ din il-bixra, anki jekk ma jiġux ippubbliċizzati: il-ġuħ u l-għatx tagħhom għall-ġustizzja għad jiġu mxebbgħa, il-ħniena tagħhom tiksbilhom il-ħniena, u bħala bennejja tal-paċi, jissejħu wlied Alla (ara Mt 5:6-9).
Il-paċi fid-dawl tal-Ġublew tal-Ħniena
8. Fl-ispirtu tal-Ġublew tal-Ħniena, kull wieħed u waħda hu msejjaħ jagħraf kif l-indifferenza tidher fil-ħajja tiegħu u jfittex jimpenja ruħu b’mod konkret biex itejjeb ir-realtà li fiha jgħix, ibda mill-familja tiegħu, minn dawk li jgħixu fil-qrib jew mill-post tax-xogħol.
Anki l-Istati huma msejħa għal ġesti konkreti, għal għemejjel kuraġġjużi fil-konfront ta’ persuni iżjed dgħajfa tas-soċjetà tagħhom, bħalma huma l-ħabsin, l-immigranti, il-qiegħda u l-morda.
F’dak li għandu x’jaqsam mal-ħabsin, f’ħafna każi donnu urġenti li nadottaw miżuri konkreti biex intejbu l-kundizzjonijiet tal-ħajja tagħhom fil-ħabs, b’attenzjoni speċjali lejn dawk li huma mċaħħda mil-libertà huma u jistennew ġudizzju, waqt li nżommu f’moħħna l-għan riedukattiv tas-sanzjoni penali u nivvalutaw il-possibbiltà li ninkludu fil-liġijiet nazzjonali pieni alternattivi għall-ħabs. F’dan il-kuntest, nixtieq inġedded l-appell tiegħi lill-awtoritajiet statali biex titneħħa għalkollox il-piena tal-mewt, fejn din għadha titħaddem, u biex titqies il-possibbiltà ta’ amnestija.
F’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-immigranti, nixtieq nagħmel stedina biex jerġgħu jiġu miflija l-liġijiet fuq l-immigrazzjoni, biex dawn ikunu dejjem imdawla mir-rieda li wieħed jilqa’, fir-rispett tad-dmirjiet u r-responsabbiltajiet reċiproċi, u biex jistgħu jiffaċilitaw l-integrazzjoni ta’ l-immigranti. F’din il-perspettiva, għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-kundizzjonijiet li fihom jgħixu l-immigranti, waqt li nfakkar li l-klandestinità tirriskja li tkaxkarhom fil-kriminalità.
Barra dan, nixtieq, f’din is-Sena Ġubilari, nagħmel appell qawwi lill-mexxejja ta’ l-Istati biex iwettqu ġesti konkreti favur ħutna li qed ibatu minħabba fin-nuqqas ta’ xogħol, art u saqaf fuq rashom. Jiġini f’moħħi l-ħolqien ta’ impjiegi dinjitużi f’kuntrast mal-pjaga soċjali tal-qgħad, li qed tolqot lil għadd kbir ta’ familji u ta’ żgħażagħ u għandha konsegwenzi gravi ħafna fuq is-soċjetà kollha. In-nuqqas ta’ xogħol jhedded b’mod qawwi s-sens ta’ dinjità u ta’ tama, u mqar jekk biss parzjalment, imma nistgħu npattu għalih bis-sussidji meħtieġa ddestinati għall-qiegħda u l-familji tagħhom. Għandha tingħata attenzjoni speċjali lin-nisa – li b’xorti ħażina għadhom jiġu ddiskriminati fil-qasam tax-xogħol – u lil xi kategoriji oħra ta’ ħaddiema, li l-kundizzjonijiet tagħhom huma prekarji u perikulużi u li l-ħlas li qed jaqilgħu m’hux biżżejjed meta tqis l-importanza tal-missjoni soċjali tagħhom.
Fl-aħħar nett, nixtieq nistieden lil kulħadd iwettaq azzjonijiet effikaċi biex intejbu l-kundizzjonijiet tal-ħajja tal-morda, u niggarantixxu lil kulħadd l-aċċess għall-kura medika u l-mediċina indispensabbli għall-ħajja, inkluża l-possibbiltà ta’ kura fid-dar.
B’ħarsithom lil hemm mill-fruntieri tagħhom, il-mexxejja ta’ l-Istati huma msejħa wkoll iġeddu r-relazzjonijiet tagħhom mal-popli l-oħra, biex hekk kulħadd jista’ jieħu sehem effettiv u jħossu inkluż fil-ħajja tal-komunità internazzjonali, biex isseħħ il-fraternità anki fi ħdan il-familja tal-ġnus.
F’din il-perspettiva, nixtieq nagħmlilhom appell tripliku biex jibqgħu lura milli jittraxxnaw lill-popli l-oħra f’kunflitti u gwerer li jeqirdu mhux biss l-għana materjali, kulturali u soċjali, imma anki – u għal żmien twil – l-integrità morali u spiritwali; biex iħassru jew jittrattaw b’mod sostenibbli d-dejn internazzjonali ta’ l-Istati l-aktar foqra; biex jadottaw politika ta’ koperazzjoni li, flok tingħalaq għad-dittatura ta’ xi ideoloġiji, tfittex ir-rispett tal-valuri tal-popli u li, f’kull każ, ma jagħmlux ħsara lid-drit