Il-faċċata tal-Knisja tal-Franġiskani ta’ Ġieżu fil-Belt Valletta ġiet irrestawrata u nawgurata sabiex titgawda fis-sbuħija kollha tagħha għal żmien ir-Randan u l-Għid b’interventi li jinkludu x-xogħol ta’ tindif, bdil ta’ ġebel, tikħil u mili tal-fili skont il-bżonn.

Ix-xogħol ta’ restawr fuq il-Knisja beda f’Ottubru tal-2022 fi Triq Sant’Ursula sar b’attenzjoni kbira sabiex ma jkunx hemm ħsara fuq il-ġebla oriġinali. Ix-xogħol beda bit-tneħħija taż-żebgħa, kisi bis-siment u tikħil fuq il-faċċata.

Il-Perit Jean Frendo mid-Dipartiment tar-Restawr u Preservazzjoni spjega li peress li l-faċċata tal-Knisja fi Triq San Ġwann tinsab fi triq kemxejn dejqa u dellija, il-ġebla kienet qed tfarfar u titmermer f’ċerti partijiet bħal frontispizju u b’hekk intilef ċertu dettall arkitettoniku.

Frendo qal ukoll li qabel ma beda x-xogħol, tħejjew pjanti tal-faċċati biex juru l-forom ta’ deterjorazzjoni u l-interventi li jridu jsiru. Kien jidher li l-ġebel instab li tmermer iżżejjed, u għalhekk kien ġie immarkat fuq il-post biex jinbidel b’ġebel ġdid bl-istess għoli bħal dak oriġinali.

Żied li l-balavostri tal-kampnar kienu immermrin ħafna, u għalhekk kellhom jinbidlu kollha. Apparti minn hekk it-tikħil b’taħlita bbażata fuq il-ġir intuża biex jerġa’ jinbena l-wiċċ tal-ġebla fejn il-ħsara fil-ġebla kienet limitata sabiex jitnaqqas il-bdil ta’ ġebel.

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali Owen Bonnici spjega li permezz tax-xogħol u tad-dedikazzjoni tal-ħaddiema, dan ir-restawr qed jgħin sabiex din il-Knisja tkompli titgawda mill-ġdid kemm mill-Maltin kif ukoll mit-turisti li jżuru dawn il-postijiet.

Sors: Newsbook Malta