Il-Kardinal Ġermaniż Reinhard Marx, President tal-Kummissjoni tal-Konferenzi Episkopali tal-Komunita Ewropea, magħrufa aħjar bħala l-COMECE, qal li wara l-aħbar li l-Papa Benedittu XVI se jirriżenja fit-28 ta’ Frar, huwa ħass li “kienet deċiżjoni li mlietni b’rispett kbir, pero anki b’dispjaċir enormi. Benedittu XVI ilu jmexxi l-Knisja Kattolika għall-aħħar tmien snin b’dedikazzjoni kbira”. Fi kliemu “ifforma lill-Knisja bit-teoloġija ċara tiegħu. Il-ħsieb teoloġiku tiegħu, li dejjem iġib flimkien il-fidi u r-raġuni, il-Knisja u l-politika, ħareġ ċar f’diskorsi li hu għamelf’Westminister Hall f’Londra, fil-Bundestag il-Ġermanja u anki f’Washington.
“Huwa dejjem kien imħasseb dwar il-periklu li l-Ewropa tinsa l-għeruq insara tagħha, li eventwalment jista’ jwassalha titlef ir-ruħ tagħha. L-Ewropa, u l-Punent kollu kemm hu, ma timmaġinahx mingħajr il-kontribut tal-Kristjaneżmu”.
Il-Kardinal Marx kompla li dan il-kontribut jinvolvi t-tħabbir tal-messaġġ universali tal-vanġelu, li hu messaġġ ta’ tama fis-sitwazzjoni konkreta tal-Ewropa.
Itemm jgħid li “mimlijin apprezzament għal dak kollu li għamel bħala Kap tal-Knisja kollha, inħarsu ‘l quddiem biex nibqgħu niġu ispirati mit-teoloġija sinifikanti tiegħu għall-ġejjieni tal-Knisja. Aħna bħala Isqfijiet tal-COMECE, ninsabu maqgħudin miegħu fit-talb, u nibqgħu f’komunjoni spiritwali miegħu anki meta jiritira”.