-
-
L-Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
-
Katidral tal-Imdina
29 ta’ Ġunju 2017
“Jiena ġa mxerred b’sagrifiċċju, u żmien it-tluq tiegħi wasal. Tqabbadt it-taqbida t-tajba, temmejt il-ġirja, ħarist il-fidi. Mill-bqija hemm merfugħa għalija l-kuruna tal-ġustizzja li biha f’dak il-jum iħallasni l-Mulej, l-Imħallef ġust, imma mhux lili biss, imma wkoll lil dawk kollha li jkunu għexu bix-xewqa tad-dehra tiegħu” (2 Tim 4, 6-8). Dawn il-kliem ta’ San Pawl lid-dixxiplu tiegħu Timotju jagħmlulna kuraġġ kbir f’din is-solennità tal-martirju tal-appostli Pietru u Pawlu.
Il-kuruna tal-ġustizzja mhijiex biss rahan u destin riżervat għal Pawlu, imma hu x’qed jgħid? “Mhux lili biss, imma wkoll lil dawk kollha li kienu għexu bix-xewqa tad-dehra tiegħu”. U dan huwa riferiment għalina, aħna li qegħdin ngħixu bix-xewqa tad-dehra tal-miġja ta’ Ġesù fil-glorja. Id-dehra mhijiex xi dehra mistika riżervata għall-esperjenza personali ta’ wieħed mid-dixxipli. Dawk huma doni tal-profezija li l-Iskrittura stess tgħidilna tiddisprezzawhomx imma għażluhom għax jistgħu jkunu anke ingann. Id-dehra hija d-dehra ta’ Ġesù fl-aħħar taż-żmien meta jiġi bħala l-Imħallef ġust li quddiemu l-qlub ma jistgħux ikunu maskra ta’ ingann, imma jiġu ġġudikati fil-verità tagħhom.
Mhix il-moda ta’ din id-dinja u l-hekk imsejħa realtà soċjali tal-lum, li se tiġġudikana f’dak il-jum, imma huwa l-imħallef ġust li jaf kif ħalaq il-bniedem bħalma jaf kif ħalaq iż-żwieġ.
Lilna wkoll Ġesù jistaqsina: “intom min tgħidu li jien?” U aħna rridu nirrispondu ma’ Pietru: “inti l-Messija, Bin Alla l-ħaj” (Mt 16, 15.16). Illum niċċelebraw il-pedament tal-fidi tagħna. Il-Knisja ta’ Ruma bir-raġun tifraħ għax hija mħammra, hija glorjuża bid-demm ta’ dawn il-martri. L-oqbra tagħhom fuq l-għolja tal-Vatikan, u fuq it-Triq Ostiense, huma xhieda tal-mewt tagħhom ġewwa Ruma, tal-martirju tagħhom.
Dis-sena jaħbat l-1950 anniversarju mill-martirju ta’ Pietru u Pawlu. U aħna ma’ Pietru rridu nsemmgħu l-leħen tagħna, dgħajjef u kultant minoritarju, “inti l-Messija, Bin Alla l-ħaj”. Aħna rridu nimxu fuq it-tagħlim li kien sa mill-bidu, u mhux fuq il-moda ta’ din id-dinja. Għax mhix il-moda ta’ din id-dinja u l-hekk imsejħa realtà soċjali tal-lum li se tiġġudikana f’dak il-jum, imma huwa l-imħallef ġust li jaf kif ħalaq il-bniedem bħalma jaf kif ħalaq iż-żwieġ, bħalma jaf x’inhi d-dinjità vera tal-bniedem.
Il-moda ta’ din id-dinja tgħaddi, bħalma tgħaddi x-xbieha ta’ din id-dinja, imma l-kelma tal-Mulej tibqa’ għal dejjem.
Aħna rridu ningħaqdu ma’ Pietru għax meta nkunu magħquda miegħu, aħna, ulied San Pawl, m’aħniex merħla ċkejkna, m’aħniex merħla ridotta għal erba’ kantunieri fi ġżiritna. Mhijiex merħla ridotta għas-silenzju mill-kakofanija ta’ min jgħidilna li aħna antikwati, rasna magħluqa, addirittura għedewwa tal-bniedem u tal-umanità. Magħqudin ma’ Pietru u Pawlu, aħna membri ta’ familja kbira. Il-Mulej illum bagħtilna Kattoliċi mill-Polonja u mill-Ġermanja biex ikunu magħna u jfakkruna li aħna qed niċċelebraw fidi Kattolika universali li ma tgħibx. Il-moda ta’ din id-dinja tgħaddi, bħalma tgħaddi x-xbieha ta’ din id-dinja, imma l-kelma tal-Mulej tibqa’ għal dejjem.
Lil Pietru ġew afdati l-imfietaħ tas-saltna tas-smewwiet. Kull ma jorbot fuq l-art ikun marbut fis-smewwiet, u kull ma jħoll fuq l-art ikun maħlul fis-smewwiet (ara Mt 16, 19). Bl-interċessjoni ta’ Pietru u ta’ Pawlu llum nitolbu l-grazzja biex ninħallu minn ħżunitna, ninħallu mid-dlamijiet, li jsewdu l-qalb u l-moħħ tagħna, u nemmnu b’fidi ferma l-kelma ta’ Ġesù, “inti Pietru u fuq din il-blata jiena nibni l-Knisja tiegħi, u s-setgħat tal-infern ma jegħlbuhiex” (v. 18)
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
-
-
Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni, Kurja