• Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Parroċċa San Filep, Ħaż-Żebbuġ

    16 ta’ Ġunju 2017

    Fit-tielet jum tat-Tridu l-parroċċa ta’ Ħaż-Zebbuġ tħares lejn San Filep u tammira u tirringrazzja lil Alla tal-ministeru tiegħu bħala saċerdot.

    Is-silta li għadna kemm smajna, pjuttost twila, mill-Evanġelju ta’ San Ġwann, kapitlu 17, tagħtina l-kuntest fejn il-Mulej, jiġifieri l-mument fejn il-Mulej Ġesù jwaqqaf is-saċerdozju. Huwa awlillejl qabel ma bata, f’Ħamis ix-Xirka u waqt li qiegħed is-saċerdozju mhux biss jitlob għad-dixxipli li hemm madwaru, imma wkoll għalina, id-dixxipli li għalkemm ma rajniex, emminna. Aħna li nipparteċipaw minn dik il-beatitudni “ħenjin dawk li ma rawx u emmnu”, imma l-Mulej isejjħilna “ħenjin”.

    “Ma nitolbokx li twarrabhom mid-dinja imma li tħarishom mill-Ħażin” (Ġw 17, 15). Aħna qegħdin fid-dinja u dan huwa l-post, dan huwa l-ambjent fejn aħna msejħin insiru qaddisin, imsejħin insiru xbieha sabiħa tal-Mulej. “Ma nitolbokx li twarrabhom mid-dinja”; il-Mulej mhuwiex qed jitlob lill-Missier li aħna ninqatgħu mid-dinja, jew nitwarrbu minnha, imma iva, qiegħed jitlob li aħna nkunu mħarsa mill-ħażen.

    “Huma mhumiex tad-dinja bħalma jien m’iniex tad-dinja. Ikkonsagrahom permezz tal-verità; il-kelma tiegħek hi l-verità” (vv. 16-17). Il-Mulej jikkonsagrana, jagħmilna kollha ta’ Alla – għax dan tfisser il-konsagrazzjoni – billi jurina l-verità u aħna nkunu tassew ngħixu l-konsagrazzjoni tagħna li ħadna fil-Magħmudija, li ġiet ikkonfermata fis-Sagrament tal-Griżma, jekk inħaddnu u ngħixu l-verità.

    Imma, tgħiduli din l-imbierka verità x’inhi?  Isimgħu lil Ġesù Kristu stess jgħid: “Jiena l-verità, jiena is-sewwa, jiena t-triq, jiena l-ħajja” (Ġw 14, 6). “Jiena l-verità”. Il-verità tagħmilkom liberi. Mela jiena nħaddan il-verità l-ewwel nett huwa li nilqa’ f’ħajti lil Ġesù Kristu stess, li sejjaħ lilu nnifsu l-verità. Permezz ta’ din il-verità li għallimna li kien ġabar fil-kmandament tal-imħabba, u għalhekk hu qalilna “tgħallmu minni li jiena ta’ qalb ħelwa u umli” (Mt 11, 29), ried qed jgħallimna t-triq tal-fedeltà u tal-verità, ried idaħħalna fl-ikbar intimità miegħu, li hu t-triq, li huwa is-sewwa, il-verità, li huwa l-ħajja.   

    Aħna rridu nitolbu maħfra lil Alla ta’ kemm-il darba l-ewwel ħarsina lejn il-but, imbagħad ħarisna lejn il-kuxjenza, ta’ kemm-il darba ħallejna l-but imexxina u nsejna l-vuċi t’Alla fil-qalb tagħna.

    Il-Mulej jikkonsagrana f’din il-verità, jgħidilna li aħna m’aħniex tad-dinja. Imma aħna nafu li kultant nagħmlu l-kompromessi mad-dinja, x’jiġifieri? Kultant ninsew dak li jixtieq minna Ġesù u ngħid: imma jien mhux aħjar inħares lejn dak li jaqbel lili? Imbagħad Ġesù jieħu ħsieb tiegħu nnifsu u San Filep miegħu.

    Aħna rridu nitolbu maħfra lil Alla ta’ kemm-il darba l-ewwel ħarsina lejn il-but, imbagħad ħarisna lejn il-kuxjenza, ta’ kemm-il darba ħallejna l-but imexxina u nsejna l-vuċi t’Alla fil-qalb tagħna. Ħadd ma jinxtara jekk ma jkunx hemm min irid jixtri, imma ħadd ma jixtri jekk ma jkunx hemm min irid jinxtara. Il-Mulej jurina t-triq tal-verità. Għaliha deher quddiem Pilatu, Pilatu jgħidlu: “imma l-verità x’inhi?” (Ġw 18, 38). Kienet quddiemu għax il-verità hija Ġesù.          

    Nitolbu lil San Filep jiddefendina bil-qawwa li tah il-Mulej minn kull tip ta’ ħażen imma l-iżjed mill-gidba li l-bniedem jitkejjel minn kemm għandu flus, jew minn kemm għandu poter.

    Aħna llum inqimu lil San Filep bħala s-saċerdot li f’Aġira u fi Sqallija għamel ħafna ġid. Kien fid-dinja. Il-Papa bagħtu jaħdem f’din il-gżira kbira tal-Mediterran, Sqallija, u fiha hu kien eżorċista li jiġġieled kontinwament bħala saċerdot kontra l-gideb, kontra l-kalunja, l-għira, il-mibegħda ta’ Satana.      

    Aħna nitolbu l-qawwa kbira ta’ San Filep biex jiddefendina minn min irid jisirqilna ruħna, lil min irid jixtrina. Nitolbu lil San Filep jiddefendina bil-qawwa li tah il-Mulej minn kull tip ta’ ħażen imma l-iżjed mill-gidba li l-bniedem jitkejjel minn kemm għandu flus, jew minn kemm għandu poter. Alla jħares u jiżen il-qalb u inti tista’ tgħid “nagħmel li rrid, għax dawn kollha ħmerijiet tax-xjuħ, dawn kollha qlajja tal-qassisin biex jigirfulna xi sold jew tnejn”. Tista’ tgħid hekk, imma meta tkun fil-kaxxa, inti jkollok imħallef wieħed li huwa fidil u ġust u l-kont tagħtih lilu.

    Nawgura lil kulħadd li dakinhar ikollna l-wens tal-qaddisin:  ta’ Sidtna Marija, ta’ San Ġużepp u ta’ San Filep; dawk li kienu qalulna x’għandna nagħmlu f’ħajjtina, jalla f’mewtna nsibhom avukati tagħna biex aħna, li forsi nsejna s-sewwa f’ħajjitna, fil-punt tal-mewt tagħna nagħżluh, inħaddnuh għall-eternità.

    “Jiena tajtkom il-kelma tiegħek” jgħid Ġesù lill-Missier. U lill-Missier San Filep jista’ jgħidlu l-istess. “Jiena tajthom il-kelma tiegħek”, mhux il-kelma tal-bnedmin, “id-dinja bagħdithom, għaliex huma m’humiex tad-dinja, kif jien m’iniex tad-dinja” (Ġw 17, 14). Imma aħna m’għandniex nibżgħu mill-mibegħda tad-dinja, m’għandniex nibżgħu minn min ifixkilna fid-dinja, għaliex Ġesù qalilna, “kif għamlu lili, jagħmlu lilkom, min jisma’ lili jisma lilkom, min ma jismax lilkom ma jismax minni”. Ejjew nitolbu l-interċessjoni ta’ San Filep biex iħares lil din il-parroċċa għażiża, lil dan il-poplu għażiż, u anke lil pajjiżna.

    Viva San Filep.

     Charles J. Scicluna     
         
    Arċisqof ta’ Malta