Nhar il-Ħadd 10 ta’ Novembru 2024, madwar 50 membru tal-Grupp San Ġorġ Preca (Malta) iltaqgħu fiċ-Ċentru għall-Konferenzi, Dar il-Ħanin Samaritan, għall-irtir annwali tagħhom. Waqt l-irtir huma irriflettew dwar it-tema “Tassew, ngħidilkom, kulma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 25, 40).
Il-ġurnata bdiet bit-talb tas-salmi u wara sar eżerċizzju fi gruppi dwar aspetti differenti tal-imħabba tal-proxxmu. Is-Sur Carmel Farrugia qasam ħsieb dwar it-tema u wara saret intervista lis-Sinjuri David Farrugia u Vanessa Engerer, li qasmu l-esperjenza tagħhom dwar kif bħala nsara jagħtu sehem fil-volontarjat. L-irtir issokta bil-quddiesa iċċelebrata minn Fr Kevin Schembri. Wara l-ikla ta’ nofsinhar, l-irtir intemm bit-talba tar-Rużarju.