L-Arċidjoċesi ta’ Malta ddeċidiet li mix-xahar id-dieħel is-saċerdot se jilqa’ l-korteo funebri fil-bieb tal-knisja, fejn isir it-tberik qabel il-quddiesa, minflok jakkumpanja l-korteo mill-kamra mortwarja sal-knisja.
Kelliema għall-Arċidjoċesi qalet li “l-Isqfijiet ħadu din id-deċiżjoni diffiċli wara li kkonsultaw mal-kappillani. Dan minħabba li n-numru tal-kleru fil-parroċċi qiegħed dejjem jonqos, il-ħin tal-ivvjaġġar dejjem qed ikompli jitwal, u l-ħtieġa li s-saċerdoti jkunu preżenti fil-knisja qabel il-funeral biex ikunu ta’ wens għall-qraba u l-ħbieb kif ukoll għall-qrar.”
Is-saċerdoti se jibqgħu preżenti meta tmut persuna, kemm f’residenzi kif ukoll fl-isptar, u se jibqgħu jieħdu sehem fil-purċissjoni mill-knisja saċ-ċimiterju fejn issir id-difna.
Din il-miżura se tidħol fis-seħħ wara l-Għid il-Kbir, fl-10 ta’ April.
“L-Isqfijiet jifhmu li t-telfa ta’ xi ħadd għażiż hija esperjenza diffiċli u ta’ qtigħ il-qalb għall-familja u l-ħbieb, u jassiguraw lill-Insara li s-saċerdot se jibqa’ impenjat biex jipprovdi wens, mogħdrija u appoġġ f’dan iż-żmien.
“L-Insara huma mħeġġa jitolbu minnufih l-assistenza ta’ qassis kull meta huma jew l-għeżież tagħhom jiddaħħlu fi sptar jew dar residenzjali u biex jgħarrfu lil dawk responsabbli mill-kura tagħhom bix-xewqat spiritwali tagħhom,” qalet il-kelliema.