STQARRIJA TAL-KONFERENZA EPISKOPALI
Dan l-aħħar, diversi nies staqsew jekk koppji li jgħixu flimkien mingħajr ma huma miżżewġin jistgħux jitqarbnu.
Nagħmluha ċara li l-Knisja tħobb lil dawn il-koppji kif tħobb lill-membri kollha tagħha u tibqa` toffrilhom l-għajnuna spiritwali li jkollhom bżonn. Aħna l-Isqfijiet inħeġġuhom biex fost affarijiet oħra, ikomplu jmorru għall-Quddies u jipparteċipaw fil-ħajja tal-Knisja.
Iżda l-Knisja Kattolika ssostni li dawk il-koppji li jgħixu flimkien mingħajr ma huma miżżewġin m’għandhomx jersqu għat-tqarbin. Il-Knisja ma tagħmilx dan bħala kastig iżda għax l-istil tal-ħajja tagħhom imur kontra s-sagrament taż-żwieġ nisrani. Barra minn hekk, din l-imġieba tmur ukoll kontra t-tagħlim dwar l-Ewkaristija, u ma tirriflettix id-dispożizzjoni li wieħed għandu jkollu biex jirċievi l-Ewkaristija. Huwa tagħlim tal-Knisja li biex wieħed jirċievi l-Ewkaristija, hu jrid ikun f’għaqda sħiħa ma` Alla u mal-Knisja.
Il-Knisja mwaqqfa minn Kristu, ukoll bħala komunita` viżibbli, trid tagħti xhieda wkoll viżibbli ta` dan it-tagħlim permezz tal-membri tagħha.
Aħna lkoll nafu li biex wieħed jgħix il-ħajja nisranija fi ħdan il-Knisja Kattolika jgħaddi minn tbatija. Nafu ukoll li hemm min qed iħallas prezz għoli għax biex jibqa` f’komunjoni sħiħa mal-Knisja, għalkemm iż-żwieġ tiegħu tkisser, xorta għażel li ma jidħolx f’relazzjoni ma’ persuna oħra barra miż-żwieġ. Għalhekk dawn il-persuni separati u mhux f’relazzjoni ma` ħaddieħor jistgħu jersqu għas-sagrament tal-Qrar u tat-Tqarbin.
Aħna l-Isqfijiet nixtiequ nistiednu lil dawk il-koppji li jgħixu flimkien mingħajr ma huma miżżewġin biex iħarsu dan it-tagħlim tal-Knisja, isaħħu l-fiduċja tagħhom fil-ħniena ta` Alla, jfittxu bis-sinċerita` t-triq tal-konverżjoni vera u jagħmlu minn kollox biex jimxu fiha. Lil dawn il-koppji nħeġġuhom biex meta jmorru l-quddies jagħmlu biss tqarbina tax-xewqa li għandha valur kbir quddiem Alla.