Fiż-Żjara Appostolika li għamel dan l-aħħar f’Ċipru, il-Papa Benedittu XVI tkellem dwar l-importanza li għandu s-Salib għad-dinja: “Is-Salib mhuwiex sempliċement simbolu privat ta’ devozzjoni, mhuwiex sempliċement sinjal ta’ sħubija ma’ grupp partikolari fis-soċjeta, u fil-profondità tat-tifsir tiegħu m’għandu xejn x’jaqsam mal-impożizzjoni bil-forza ta’ xi twemmin jew filosofija. Is-Salib jitkellem fuq it-tama, l-imħabba, ir-rebħa tan-non-vjolenza fuq l-oppressjoni, jitkellem fuq Alla li jerfa’ lil min hu fil-baxx, li jqawwi lil min hu dgħajjef, li jirbaħ fejn hemm il-firda u li jissupera l-mibgħeda bl-imħabba”.

Dan il-kliem għandu sinjifikat qawwi meta wieħed iżomm quddiem għajnejh li ftit tax-xhur ilu l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet Umani ddeċidiet li l-Italja għandha tneħħi s-slaleb mill-postijiet pubbliċi kollha. Meta l-Italja appellat kontra din id-deċizjoni, diversi pajjiżi, fosthom Malta, intervjenew bħala pajjizi terzi fil-każ.

Huwa b’sodisfazzjon li ninnutaw li l-intervent ta’ Malta sar bl-approvazzjoni flimkien tal-Prim Ministru u tal-Kap tal-Oppożizzjoni. Dakinhar il-Prim Ministru qal li “fuq punt ta’ prinċipju, ninsistu li pajjiż li għal sekli sħaħ dejjem żamm b’għożża valuri u tradizzjonijiet partikolari, m’għandux ikun obbligat ibiddilhom għax xi ħadd joġġezzjona għalihom. Sakemm il-poplu f’dik is-soċjetà jkun irid hekk, il-karatterisitiċi soċjali u kulturali tas-soċjeta għandhom ikunu rispettati. Qorti li tiddeċiedi mod ieħor ma tkunx qed turi sensittivita lejn dawn l-aspetti u tkun qed taqbad direzzjoni żbaljata”.

Nilqgħu u nappoġġjaw bis-sħiħ din il-pożizzjoni. Hekk, bħala pajjiż, inkunu qed nagħtu sehemna fil-ħajja pubblika sabiex l-Ewropa ma titlifx l-għeruq iNsara tagħha, għax kif qal il-Papa Ġwanni Pawlu II: “L-istorja tal-Ewropa ma tkunx tinftiehem jekk ma jkunx hemm referenza għall-ġrajjiet li mmarkaw iż-żmien importanti tal-evanġelizzazzjoni u s-sekli sħaħ li segwew u li fihom il-Kristjaneżmu, minkejja l-qasma bejn il-Lvant u l-Punent, sar ir-reliġjon tal-popli Ewropej” (Ecclesia in Europa, 24.)

Ma jkunx loġiku li wieħed jipprojbixxi simboli reliġjuzi bħas-Salib minn postijiet pubbliċi meta s-soċjetà saret konxja tad-dritt għall-libertà reliġjuza. It-turija tas-Salib f’postijiet pubbliċi ma timponix reliġjon: fit-tradizzjoni tagħna, is-Salib  hu simbolu u espressjoni tal-ogħla altruwizmu u ġenerozità, kif ukoll tal-ikbar solidarjetà offruta lil kulħadd.

Inħossu wkoll li l-ispirtu ta’ djalogu li jeżisti bejn il-knejjes u r-reliġjonijiet differenti, għandu jservi ta’ okkażjoni eċċellenti biex it-tradizzjonijiet reliġjuzi rispettivi jiġu rispettati.

Barra minn hekk, nħeġġu lill-iNsara sabiex jgħożżu s-Salib bħala sinjal tal-fidwa li Kristu ġab lill-umanità. Ninkuraġixxu lill-Insara sabiex jagħtu xhieda tal-fidi tagħhom billi jaċċettaw is-salib u jimxu wara Kristu.

+ Pawlu Cremona O.P.

+ Mario Grech

+ Annetto Depasquale


Fr Joe Magro

Segretarju