Family

L-osservatur permanenti tas-Santa Sede għall-Ġnus Maqgħuda qed jissottolinea l-familja bħala r-riżorsa primarja għall-bini tal-ekonomija, l-integrazzjoni soċjali u l-iżvilupp.

L-Arċisqof Celestino Migliore qal dan f’indirizz fl-aħħar jiem dwar l-integrazzjoni soċjali fit-48 sessjoni tal-Kummissjoni għall-Iżvilupp Soċjali fi ħdan il-Kunsill Soċjali u Ekonomiku tal-Ġnus Maqgħuda. “Iffaċjati bl-isfidi tal-integrazzjoni soċjali f’dinja aktar globalizzata, tinħass il-ħtieġa ta’ iktar konsiderazzjoni tal-ġid integrali tal-persuna, u dan fid-dimensjonijiet varji, li jinkludu d-dimensjoni spiritwali”.

Barra minn hekk, l-Arċisqof Migliore kompla jgħid li minħabba r-riċessjoni ekonomika, id-diskussjoni marbuta mal-integrazzjoni soċjali  għandu tieħu konsiderazzjoni tar-rabta mal-eradikazzjoni tal-faqar u l-qasam tal-impjiegi.

Huwa żied jgħid li “f’dan il-kuntest, fil-promozzjoni tat-tkabbir ekonomiku u soċjali flimkien mal-ħolqien tax-xogħol, jidher li x-xejriet tal-konsum għandhom ikunu ffukati fuq servizzi li jippromwovu rabtiet aħjar bejn il-popli. B’dan il-mod, b’investiment fil-kura medika, fl-edukazzjoni, fil-qasam tal-kultura u l-arti, u fl-isport – f’dawk l-oqsma kollha li jiżviluppaw il-persuna u li jirrikjedu l-interazzjoni umana iktar milli l-produzzjoni permezz tal-magni – l-Istat, permezz ta’ intervent pubbliku, ikun jista’ jindirizza l-iżvilupp mill-għeruq waqt li jippromwovi l-impjiegi u l-iżvilupp b’viżjoni fit-tul”.