Is-Santa Sede qalet li l-politika tal-Ġnus Maqgħuda dwar iż-żgħażagħ għandha tirrispetta d-dritt tal-ġenituri li jedukaw lil uliedhom, speċjalment f’dak lijirrigwarda s-sesswalita umana u s-settur tas-saħħa riproduttiva.
L-Arċisqof Francis Chullikatt, Osservatur Permanenti tas-Santa Sede għall-Ġnus Maqgħuda, afferma dan meta indirizza laqgħa ta’ livell għoli tal-Ġnus Maqgħuda dwar iż-żgħażagħ. Qal li “kull persuna għandha titħalla titla f’ambjent fejn tkun tista’ tikber u titgħallem – f’komunita, f’soċjeta ikkaratterizzata mill-paċi u l-armonija, lil hinn mill-vjolenza u n-nuqqas ta’ qbil. Kull tifel u tifla, għandhom jititlgħu f’ambjent ta’ familja, f’atmosfera ta’ ferħ, imħabba u fehim”.
Ir-rappreżentant tal-Vatikan qal li tali ambjent “jippromwovi ċittadinanza responsabbli u tajba li hi essenzjali għall-ġid komuni tal-umanita”. L-Arċisqof Chullikatt kompla li r-responsabbilta morali u r-rispett lejn l-oħrajn huma mgħallma fi ħdan il-familja.
“Il-familja għandha rwol importanti fl-edukazzjoni tat-tfal sabiex dawn jakkwistaw il-valuri spiritwali uetiċi sabiex f’ħajjithom ikollhom rispett lejn id-dinjita, il-liberta u l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa”.
L-Arċisqof temm jgħid li “l-familja, mwaqqfa fuq iż-żwieġ bejn raġel wieħed u mara waħda, hija l-grupp naturali u fundamentali tas-soċjeta u għandha tkun garantita protezzjoni mis-soċjeta u mill-Istat”.