Delegazzjoni tas-Santa Sede indirizzat il-Kunsill tal-Ġnus Maqgħuda għad-Drittijiet tal-Bniedem f’Geneva dwar il-liberta reliġjuża. L-Arċisqof Silvano Tomasi qal li f’ħafna pajjiżi “qed tikber il-qasma bejn prinċipji ċari u aċċettati, u l-applikazzjoni tagħhom fil-prattika”. Huwa qal li “r-restrizzjonijiet dejjem jiżdiedu fuq ir-reliġjon jaffettwaw iktar minn 2 biljun u 2 miljun persuna”.

L-Arċisqof Tomasi qal ukoll fl-indirizz tiegħu lill-Kunsill li “r-reliġjonijiet mhumiex theddida, imma riżorsa. Huma jikkontribwixxu għall-iżvilupp taċ-ċiviltajiet, u dan hu ta’ ġid għal kulħadd”.

VATIKAN: IL-GRUPP TA’ GĦAJNUNA LILL-AFRIKA JGĦADDI 2 MILJUN DOLLARU GĦAL PROĠETTI FL-AFRIKA

Il-Fondazzjoni Ġwanni Pawlu II għas-Sahel (reġjun Afrikan ta’ Sub-Sahara li jinkludi pajjiżi fuq il-kosta tal-Punent u l-parti ċentrali tal-kontinent), dis-sena assenjat iktar minn 2 miljun dollaru   għal iktar minn 200 proġett fid-disa’ pajjiżi assisti minn dan il-grupp tal-Vatikan.

Is-Segretarju għall-Kunsill Pontifiċju Cor Unum, Mons Giampietro Dal Toso, qal lil Radju Vatikan li l-Kunsill Amministrattiv iffoka l-attenzjoni tiegħu fuq il-finanzjament t’għadd ta’ proġetti, li jvarjaw minn proġetti ta’ natura ambjentali sa edukattivi”.

Mons Dal Toso innota l-emerġenza mill-ġdid tal-problema ta’ nuqqas qawwi ta’ xita fis-Sehel. Qal li fix-xhur li ġejjin se toħroġ iktar fid-deher il-problema tal-ġuħ minħabba l-impatt tan-nuqqas ta’ xita fuq l-agrikoltura. Biex wieħed jilqa’ għal din il-kriżi, hu rrappurtat li l-komunita internazzjonali, partikolarment organizzazzjonijiet insara qed jaraw kif jistgħu jgħinu.