Il-Kardinal Tarcisio Bertone, Segretarju tal-Istat tal-Vatikan, flimkien mal-Uffiċjal għall-Affarijiet Ġenerali, l-Arċisqof Angelo Becciu, ippreżentaw lil Papa Franġisku l-edizzjoni tad-direttorja annwali tas-Santa Sede għall-2013 – bl-istatistika uffiċjali annwali tal-Knisja miġbura fi ktieb wieħed.
L-istatistika turi l-bidliet li jikkaratterizzaw lill-Knisja Kattolika mill-2012 sal-ħatra tal-Papa ġdid. Skont Radju Vatikan, il-Papa esprima sens ta’ gratitudni għall-istatistika miġbura u wera interess.
Skont iċ-ċifri, fil-perjodu kopert, twaqqfu 11-il sede episkopali, kif ukoll żewġ ordinarjati personali, viġarjat appostoliku u prefettura appostolika.
Ħareġ li l-għadd ta’ kattoliċi madwar id-dinja żdied minn 1,196 miljun fl-2010 għal 1,214-il miljun fl-2011 – tkabbir ta’ 1.5%.
L-indikazzjonijiet huma li ż-żjieda fil-kattoliċi kienet irreġistrata l-iktar fil-kontinet Afrikan u dak Asjatiku. Fl-Afrika, fejn kien hemm żjieda ta’ 2.3% fil-popolazzjoni bejn l-2010 u l-2011, il-kattoliċi żdiedu b’4.3%. Żjieda simili tkejlet fl-Asja, bi 2% fl-għadd ta’ kattoliċi u 1.2% fil-popolazzjoni. Fl-Ameriki u l-Ewropa, iż-żjieda fil-popolazzjoni u dik fl-għadd ta’ kattoliċi kienet l-istess, ekwivalenti għal 3%.
L-għadd ta’ saċerdoti madwar id-dinja żdied ukoll fl-Afrika u l-Asja, baqa’ l-istess fl-Ameriki u naqas b’9% fl-Ewropa.
Ir-rapport jinnota żjieda qawwija fid-djakni permanenti li fl-2011 kienu jammontaw għal 41,000, f’kuntrast mad-29,000 għaxar snin qabel.
Kienet irreġistrata wkoll żjieda fir-reliġjużi rġiel mhux ordnati u kien irreġistrat tnaqqis fl-ammont ta’ reliġjużi nisa.
L-Uffiċċju Stampa tas-Santa Sede innota wkoll żjieda ta’ 7.5% fil-kandidati għas-saċerdoti djoċesani u anki reliġjużi. Hemm żjieda fin-numru ta’ seminaristi fl-Afrika u l-Asja, bi 30.9% u 29.4% rispettivament, u tnaqqis fl-Ewropa u l-Ameriki b’21.7% u 1.9% rispettivament.