Is-seminarist André Psaila mill-Parroċċa ta’ Kristu Re, f’Raħal Ġdid, irċieva l-Ministeru tal-Lettorat mill-Arċisqof Charles Scicluna, waqt quddiesa li saret il-Ħadd, 26 ta’ Jannar 2025, fil-jum iddedikat lil Kelma ta’ Alla u fil‑festa tal‑Konverżjoni ta’ Missierna San Pawl fil‑Katidral tal-Imdina.
Bil-Ministeru tal-Lettorat is-seminarist André Psaila jsir qarrej uffiċjali tal-Kelma ta’ Alla waqt il-quddies u waqt ċelebrazzjonijiet liturġiċi oħra. Ser ikollu r-responsabbiltà li jxandar il-Kelma ta’ Alla permezz tal-katekiżmu, kif ukoll waqt laqgħat oħra ta’ formazzjoni Nisranija. Huwa nkarigat ukoll li jwassal il-messaġġ tas-salvazzjoni lil dawk li għad ma rċevewhx. Dan il-ministeru jingħata lis-seminaristi li jkunu waslu fil-ħames sena tal-formazzjoni tagħhom fis-Seminarju.
Il-Knisja f’Malta tistieden lill-Insara biex ikomplu jitolbu għal aktar vokazzjonijiet u għas-seminaristi kollha, b’mod speċjali għal André Psaila sabiex il-Mulej jipproteġih fil-vokazzjoni tiegħu.