Id-Direttur tal-Caritas Anthony Gatt stqarr li s-sena li għaddiet il-Caritas rat l-ogħla numru ta’ klijenti li resqu għall-għajnuna minħabba dipendenza fuq is-sustanzi.
Meta kien qed jitkellem waqt iċ-ċerimonja ta’ Gradwazzjoni 2023 f’ San Blas, Dr Gatt stqarr li kien hemm 765 persuna li resqu għall-għajnuna, “nofshom minħabba problemi ta’ kokaina”.
Mill-bqija, 21% kellhom problemi ta’ eroina u 17% minħabba l-kannabis. Huwa qal li minn dawn, iktar min-nofshom, jiġifieri, 491 persuna huma membri tal-familja ta’ xi ħadd b’dipendenza.
Minn dawn, 233 persuna ngħataw servizz f’wieħed mid-djar residenzjali u kollha ġew servuti mill-Outreach u s-Servizz tal-Familji fil-Caritas Community Centre, Male Shelter, San Blas (Irġiel), Female Programme (Nisa), il-Prison Inmates Programme (PIP), Dar Charles Miceli u maċ-Ċentru Terapewtiku tal-Adolexxenti Tal-Ibwar.\
Intom m’intomx mumri iżda persuni għeżież – L-Isqof Galea-Curmi
L-Isqof Galea-Curmi indirizza lill-gradwati u ta kelma ta’ kuraġġ u ta’ tama u ta fiduċja lir-residenti kollha li jinstabu fid-djar tal-Caritas. Hu qalilhom li m’humiex numri iżda persuni għeżiez.
Hekk kif fakkarhom li l-Caritas se tkun qed tagħmel minn kollox biex tgħinom jegħlbu d-dipendenza, l-Isqof Galea-Curmi saħaq li l-Knisja qed tagħmel minn kollox sabiex kull wieħed u waħda minn dawn il-persuni jkollhom id-dinjità tagħhom.
L-Isqof qallhom li l-Caritas permezz tan-nies tagħha se tgħinom ukoll biex jegħlbu d-dipendenza, anke jekk tkun dipendenza aggressiva, u jagħtuwom kull appoġġ f’din il-mixja iebsa tagħhom biex jeħilsu mid-dipendenza.
Hu semma’ żewġ valuri importanti. L-ewwel, il-valur tal-ħarsien u l-protezzjoni tal-ħajja mill-bidu nett sat-tmiem, u f’kull waqt tagħha.Stqarr ukoll li il-ħajja ta’ kullħadd hi għażiża u li huma m’humiex numri .
L-Isqof stqarr li l-Caritas se tkompli l-ħidma tagħha kontra dak kollu li tfisser id-droga. Id-droga, fl-aħħar mill-aħħar, hi l-qerda tal-ħajja, huwa fakkar.
‘L-awtoritajiet m’għandhomx jiddejqu jieħdu deċiżjonijiet meħtieġa’ – il-President
Il-President George Vella tkellem ukoll waqt il gradwazzjoni u appella sabiex il-persuni juru empatija ma min hu dipendenti u jevita kliem ta’ disprezz. Hu appella sabiex titneħħa l-istigma. “Meta nneħħu l-istigma u min għandu l-vizzju tad-droga jiġi mifhum.”
Waqt li faħħar ir-rwol siewi tad-Dar Charles Miceli li issa ilha ħames snin tgħin lill-individwi li jkunu lestew jew waslu biex ilestu l-programm biex ma jerġgħux jaqgħu fid-dipendenza, l-President Vella ħeġġeġ lill-awtoritajiet responsabbli biex jaraw li jsaħħu l-ħidma tagħhom favur il-ġustizzja soċjali u l-prevenzjoni mid-dipendenzi.
Vella żied jgħid li għalhekk l-awtoritajiet m’għandhomx jiddejqu jieħdu deċiżjonijiet meħtieġa u f’waqthom kull meta jkun hemm bżonn.
“Din hija ġlieda kontra d-dipendenza mid-droga, mhux ġlieda kontra min jaqa’ vittma. Dawn huma ħutna li għandhom bżonn l-għajnuna, is-simpatija u l-imħabba tagħna lkoll,” qal Vella.
Dwar l-Awtorità għall-Użu Responsabbli tal-Kannabis, il-President qal li din m’għandhiex tkun Awtorità tal-isem, imma Awtorità magħmula minn nies kompetenti li kapaċi jgħinu lill-awtoritajiet leġiżlattivi jbiddlu jew jaġġornaw il-liġi skont il-bżonn.
Sors: Newsbook Malta