L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Bdew jitolbuh ħafna lil Ġesù biex iwarrab minn pajjiżhom”. Dan hu li għamlu n-nies li ġew jaraw din il-ġrajja. Meta semgħu dak li kien ġara, u anke l-istorja drammatika ta’ kif Ġesù lil dan il-bniedem ħelsu mill-ispirti ħżiena, u mbagħad dawn marru fil-qżieqeż u dawn qabżu l-baħar u għerqu, baqgħu miblugħin bil-biża’. U lil Ġesù bdew jitolbuh biex jitlaq, iwarrab.
Il-kontra għamel dan il-bniedem li qabel kien bl-ispirti ħżiena fih, u li Ġesù ħelsu minn dawn l-ispirti ħżiena. Dan, kif ġie f’siktu, u mbagħad ra lil Ġesù tielaq, mar “jitolbu ħafna biex iħallih jibqa’ miegħu”. Ara l-kuntrast: in-nies jitolbu lil Ġesù biex iwarrab, jitlaq; u dar-raġel, li kellu din l-esperjenza hekk qawwija ta’ Ġesù, jitolbu biex iħallih jibqa’ miegħu.
Ġesù lil dan ma ridux jibqa’ miegħu imma riedu jagħmel bħall-appostli: imur ixandar l-Aħbar it-Tajba. Lil xi nies Ġesù sejħilhom biex jibqgħu miegħu, biex jimxu warajh; oħrajn għamlilhom il-ġid, jew fejjaqhom, u qalilhom biex ma jgħidu lil ħadd; imma lil dan qallu biex imur jinġabar ma’ niesu u jgħid “kulma għamel miegħek il-Mulej, u kif ħenn għalik.” Dan kellu din il-missjoni: li jxandar din l-Aħbar it-tajba.
Dil-ġrajja turina li ma għandniex nieqfu fuq dak li hu sensazzjonali, imma għandna mmoru fil-qalba. U l-qalba qiegħda hawn: tgħid dak li għamel miegħek il-Mulej
Għalhekk naraw il-kuntrast bejn in-nies u dar-raġel. In-nies raw biss l-affarijiet minn barra: ġrajja sensazzjonali. Lanqas għarfu sew lil Ġesù, u li kien bil-qawwa tiegħu li dar-raġel, minn bniedem li jagħmel ħsara lilu nnifsu, li jaqsam il-ktajjen, ikisser ix-xkiel, issa sar bniedem fil-paċi, fis-serenità, f’siktu. Kien bil-qawwa ta’ Ġesù. Imma dan-nies lanqas għarfu l-qawwa ta’ Ġesù. Baqgħu fuq dak li raw minn barra, xi ħaġa sensazzjonali, u għalhekk lil Ġesù qalulu jwarrab. Imma dar-raġel, li kellu din l-esperjenza kbira ta’ Ġesù, kif kien ħelsu u tah ħajja ġdida, għaraf tassew min kien Ġesù u ried jibqa’ miegħu.
Dan hu li din il-ġrajja turina għall-ħajja tagħna. L-ewwel nett turina lil Ġesù mimli mħabba u kompassjoni lejna, u li lilna wkoll irid jeħlisna biex nistgħu ngħixu tassew fil-libertà ta’ wlied Alla. Lilna wkoll Ġesù jrid jeħlilsna mill-ispirti ħżiena. Mhux bilfors, bħalma nifhmu kultant, għax bniedem ikun ippossessat, maħkum mix-xitan. L-ispirti ħżiena huma dak kollu fil-ħajja tagħna, minn ġewwa, li ma jħalliniex ngħixu fil-paċi ta’ Alla u fis-serenità: l-egoiżmu, l-għira, il-kburija, id-diżonestà, il-mibegħda. Dak kollu li hu ta’ xkiel f’ħajjitna – Ġesù jrid li jeħlisna minnu. Imbagħad ukoll dil-ġrajja turina li ma għandniex nieqfu fuq dak li hu sensazzjonali, imma għandna mmoru fil-qalba. U l-qalba qiegħda hawn: tgħid dak li għamel miegħek il-Mulej. Dar-raġel seta’ jgħid bħalma qalet Marija fil-kantiku tagħha: “Is-setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar”.
Nitolbu lill-Mulej illum, l-ewwel nett biex jibqa’ magħna; nagħmlulu talba l-kontra ta’ dak li għamlu n-nies: twarrabx minn pajjiżna, ibqa’ magħna. U nitolbuh biex lilna wkoll jeħlisna mill-ispirti ħżiena li jfixkluna f’ħajjitna, ħalli jkollna l-paċi tiegħu u s-serenità li jagħtina hu, u li dejjem f’qalbna jkollna l-gratitudni għal dak li l-Mulej jagħmel magħna.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju