Il-ħidma tas-Sinodu ta’ Lvant Nofsani hi ffukata fuq 41 proposta, li wara reviżjonijiet, se jkunu preżentati lill-Papa s-Sibt. Fost il-ħafna suġġetti hemm id-djalogu ekumeniku, id-djalogu inter-reliġjuż mal-Musulmani u l-Lhud u l-preżenza tal-insara fi Lvant Nofsani. Dwar dan l-għan tal-aħħar, il-missirijiet tal-Knisja kienu qed jenfasizzaw id-dmir lejn protezzjoni tal-identita tal-knejjes kattoliċi ta’ Lvant sabiex tkun ri-inforzata l-komunjoni fi ħdan il-Knisja Kattolika, fost l-Isqfijiet, il-kleru u l-fidili u ma’ Knejjes u komunitajiet ekkleżjali oħra.
Il-proposti jiġbdu l-attenzjoni tad-dinja għall-problemi marbuta mal-emigrazzjoni u l-immigrazzjoni fir-reġjun u għall-promozzjoni tal-liberta reliġjuża, inkluż fejn tidħol il-qima u l-kuxjenza. Ta’ importanza hija r-referenza għall-ħtieġa ta’ koperazzjoni intensifikata fost l-erarkiji kattoliċi fi Lvant Nofsani permezz ta’ laqgħat, inizjattivi ta’ solidarjeta u formazzjoni ta’ saċerdoti u lajċi. Il-proposti jenfasizzaw ukoll il-ħtieġa tal-media fit-trasmisjoni tat-tagħlim tal-Knisja.
Il-lista tal-proposti għaddiet għand il-Papa l-Ħamis fit-12-il Kongregazzjoni Ġenerali tal-Asemblea Speċjali tas-Sinodu tal-Isqfijiet għal-Lvant Nofsani. Flimkien mal-Papa, 162 Missier tal-Knisja ħadu sehem fl-Assemblea. Gruppi ta’ ħidma elaboraw 194 proposta li kienu miġbura f’41Id-dokument hu issa analizzat mill-gruppi ta’ ħidma għal xi amendi. Lista finali tkun ippreżentata s-Sibt filgħodu fl-aħħar Kongregazzjoni Ġenerali. Is-Sinodu jingħalaq il-Ħadd b’ċelebrazzjoni ewkaristika solenni.