It-talba għall-għaqda tal-pajjiż u li nkunu soċjetà iktar akkoljenti huma wħud mit-temi li jirrifletti fuqhom l-Arċisqof Charles Jude Scicluna fis-sitt volum ta’ ‘Kelma ta’ Ħabib’. Dan il-ktieb jiġbor fih l-omeliji u d-diskorsi tal-Arċisqof fis-sitt sena tiegħu bħala Arċisqof ta’ Malta.
Din l-edizzjoni hi differenti minn ta’ qabilha minħabba li l-maġġoranza tal-omeliji mill-Arċisqof saru waqt li d-dinja kienet maħkuma mill-pandemija COVID-19, li minbarra li pposponiet b’sentejn iż-żjara appostolika tal-Papa Franġisku f’Malta, bidlet il-mod ta’ kif il-Kelma ta’ Alla bdiet tasal direttament fid-djar tan-nies. L-appell kontinwu tal-Arċisqof matul l-eqqel tal-pandemija kien biex fi żminijiet diffiċli ma nitilfux it-tama, nieħdu ħsieb ta’ xulxin bi kwalunkwe mod possibbli u ma ninsewx lil dawk li huma fl-akbar bżonn. Fl-omeliji tiegħu, l-Arċisqof appella biex l-istituzzjonijiet tal-pajjiż jiġu megħjuna sabiex jagħmlu d-doveri tagħhom u jipprovdu ġustizzja, informazzjoni sħiħa, u verità.
Il-ktieb ta’ 700 paġna jinkludi 50 paġna ta’ ritratti li ttieħdu f’diversi ċelebrazzjonijiet fil-parroċċi u attivitajiet oħra. Fil-qoxra ta’ barra jidher l-Arċisqof ibierek tifla waqt il-festa tal-Madonna tal-Karmnu, fil-Belt Valletta.
‘Kelma ta’ Ħabib’ fih ukoll indiċi analitiku u QR codes li jieħdu lill-qarrejja għall-filmati tal-omeliji. Dan il-ktieb huwa ppubblikat mill-Uffiċċju Komunikazzjoni tal-Arċidjoċesi ta’ Malta bl-għajnuna finanzjarja ta’ APS Bank plc.
Is-sitt edizzjoni ta’ ‘Kelma ta’ Ħabib’ qed tinbiegħ għall-prezz ta’ €15. Tinxtara mill-Kurja tal-Arċisqof il-Furjana, Librerija Preca l-Blata l-Bajda, Emmaus Birkirkara, jew online fuq knisja.mt/kelmatahabib. Il-ktieb jista’ wkoll jintbagħat bil-posta. Għal aktar tagħrif ċempel fuq 25906208.