Fl-okkażjoni tas-Sittin Anniversarju tal-Ordinazzjoni Saċerdotali ta’ Mons. Arċisqof Emeritu Ġużeppi Mercieca, il-Kapitlu Metropolitan qed jorganizza Quddiesa Konċelebrata ta’ Radd il-Ħajr, li se ssir nhar il-Ħamis, 8 ta’ Marzu 2012, fil-Katidral tal-Imdina, fis-6.00pm.
Mons. Mercieca ġie ordnat saċerdot minn Mons. Isqof Ġużeppi Pace fit-8 ta’ Marzu 1952, f’Għawdex.
Mons. Mercieca twieled Victoria, Għawdex, fil-11 ta’ Novembru 1928. Huwa studja fis-Seminarju ta’ Għawdex, fl-Università Gregorjana u fl-Università tal-Lateran.
Mill-1959 sal-1969 huwa kien Rettur tas-Seminarju ta’ Għawdex. Fl-1969 inħatar Imħallef tas-Sacra Romana Rota. Kien ukoll Konsultur tal-Kongregazzjoni tas-Sagramenti u tal-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi.
Mons. Mercieca nħatar Isqof Awżiljarju ta’ Malta fis-27 ta’ Lulju 1974. Fid-29 ta’ Settembru tal-istess sena ġie kkonsagrat Isqof Titulari ta’ Gemelle, fin-Numidia. Fit-12 ta’ Diċembru 1976 Mons. Mercieca sar Arċisqof ta’ Malta.
Fil-11 ta’ Ġunju 1991 huwa ġie nominat membru tat-Tribunal Suprem tas-Senjatura Apostolika.
Mons. Mercieca dam imexxi l-Arċidjoċesi ta’ Malta sas-26 ta’ Jannar 2007 meta mexxa l-konsagrazzjoni episkopali tal-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. u għaddielu uffiċjalment f’idejh it-tmexxija tal-Arċidjoċesi.