L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Jien u nitlob fuq il-ħsieb li xtaqt naqsam magħkom illum, waqt li qegħdin nitolbu b’suffraġju ta’ ħuna Monsinjur Ġwann Azzopardi, u nitolbu wkoll għal ruħu imma wkoll insellmu il-ħidma u l-patrimonju li ħallielna, laqatni ħafna dan il-vers mill-Profeta Iżaija, li, il-Knisja tissuġġerixxi bħal-lum, is-Sibt ta’ wara l-Erbgħa tal-Irmied: ‘’Isejħulek bennej tas-swar imġarrfa’’.
Għaliex nimmaġina, li l-patrimonju storiku, dokumentali, mużikali, arkitettoniku, u mittoniku li ġie afdat għall-kura ta’ Dun Ġwann, mill-mibki Monsinjur Coleiro fl-1967, bħala kollaboratur tal-Mużew tal-Katidral li kien għadu fil-bidu tiegħu. Dan il-patrimonju moħbi u mġarraf, b’Dun Ġwann sab bennej għaqli. Kien għalina wkoll ġnien is-saqwi, bħal għajn tal-ilma ma tonqos qatt u jaqsam magħna l-għerf tiegħu, ix-xjenza tiegħu, l-imħabba tiegħu għall-patrimonju storiku, kulturali, u ekkleżjali tagħna. Aħna lkoll nixtiequ nirringrazzjaw lil Mulej talli ħares lejn dan iż-żagħżugħ Ġwann Azzopardi u sejjaħlu. Sejjaħlu biex jimxi warajh bħal misteru ta’ kull sejħa. Ma nimmaġinax li Dun Ġwann, seta’jimmaġina kif kienet se tiżvolġi dik is-sejħa meta bħala żagħżugħ daħal is-Seminarju tal-Arċisqof!
Wara ħames snin mill-ordinazzjoni tiegħu jgħallem il-klassiċi fis-Seminarju Minuri, Monsinjur Coleiro sejjaħlu biex jibda jieħu ħsieb jikkollabora f’din il-missjoni li mmarkat ħajtu. Dun Ġwann qasam l-għerf tiegħu mingħajr għira. L-għerf u l-imħabba tiegħu kienu l-polibi, u aħna nixtiequ nirringrazzjaw lil Mulej talli f’Dun Ġwann tana ikona tant sabiħa ta’ raġel għaref, ġwejjed, umli, imma ferħan, li aħna miegħu niskopru l-għana tal-għeruq tagħna. Għeruq li ħafna drabi huma mkebba fil-qiegħan tal-art, fil-periklu li tikolhom il-kamla u l-moffa u tant elementi oħra.
Imma l-ġenju u l-imħabba ta’ dan is-saċerdot kienu wkoll li mill-karta fqira joħroġ għerf u informazzjoni, u f’ċerti każi wkoll mużika straordinarja. Min jaf kemm dokumenti kieku kienu se jintilfu għal dejjem mingħajr id-dedikazzjoni, l-imħabba, l-umiltà u x-xogħol iebes ta’ Dun Ġwann! Illum aħna nħossu din it-telfa imma nitgħabbew ukoll b’responsabbiltà li l-entużjażmu tiegħu għal dak li huwa aħna, li kienu missirijietna, u li għamilna min aħna, ma nitilfuhx, inħaddnuh. Il-preżenza tiegħu kienet preżenza ġwejda, imma effikaċi. Il-kitbiet tiegħu kellhom effett. Kienà rispettata lil hinn minn xtutna.
Illum qegħdin inġeddu l-fidi li hu għex b’mod sempliċi imma bil-fedeltà. L-esperjenza tal-mard żgur fakkritu fis-Salm 85: “Agħtini widen, Mulej, u weġibni, għaliex jiena msejken u fqajjar. Ħarisli ħajti, għax jiena twajjeb, Salva l-qaddej tiegħek, għax fik jittama’’. L-esperjenza tal-mard żgur fakkret lill-għażiż Dun Ġwann li Ġesù, bħalma jgħid fl-Evanġelju li qrajna llum, huwa l-ikbar tabib, it-tabib tar-ruħ. ‘’Mhux dawk li huma b’saħħithom għandhom bżonn it-tabib iżda l-morda,’’ jgħid Ġesù. “Jien mhux lil ġusti ġejt insejjaħ, iżda lil midinbin għall-indiema’’. Dun Ġwann kien konxju mill-vjaġġ estrem li kellu jagħmel. It-talba tiegħu hi li jkun ippreparat. Il-Mulej, li sejjaħlu li fi tfulitu u f’ħajtu sejjaħlu bħala saċerdot, sejjaħlu permezz tas-superjuri tiegħu, illum jirrepeti l-istess kliem: “Ejja warajja”.
U, l-Mulej li ħejjielu diġà għamara fil-ġenna, bħalma ħejja għal kull wieħed u waħda minna, jilqgħu fejn m’hemmx dlam, fejn m’hemmx trab, imma hemm il-mużika tal-għanja ħelwa ta’ min iħobb.
Aħna nirringrazzjaw lil Alla ta’ Dun Ġwann, imma fuq kollox illum nirringazzjawh talli għalina huwa Ġesù li jsalva, talli għalina huwa l-Feddej, l-Għimmanuel, Alla magħna.
Ma nistax ma nsemmix l-imħabba kbira li Dun Ġwann kellu għall-Grotta ta’ San Pawl. Aħna nafu l-għeruq tal-fidi u tal-fejqan tagħna f’dak il-post. Proprju fuq il-ħitan ta’ Melite. Minn hemmhkk ħarġet barka kbira għax l-Appostlu Missierna Pawlu minn hemmhekk għal tlett xhur kellimna dwar Ġesù.
Il-blat tal-grotta jidwi bil-vuċi tal-Appostlu imma wkoll huwa xhud tal-imħabba ta’ ħafna nies, u b’mod speċjali ta’ Dun Ġwann.
Għallimtna ngħożżu l-ġmiel tal-għeruq tagħna
Li jinfdu l-art moħbija qalb il-kesħa;
Għallimtna ngħannu l-għanja b’qalb ħerqana
Li tofroq, sfieqa minn ġol-karti mkebba.
Fittixt, stħarriġt, tkellimt, għallimt b’kull ħeġġa;
Fil-Grotta ta’ San Pawl tqanqalt bil-ħniena.
Il-ħarsa ta’ għajnejk lil ħadd ma weġġgħat,
Ħarist kull wirt bla rebgħa u bla ħjiena.
Ħabbejt lil Alla f’Kelmtu u f’kull bniedem,
U qsamt bil-ferħ id-dehen u x-xjenza tiegħek.
Dak li kien skart, f’idejk sar deheb imbierek,
Dak li kien stkenn fid-dlam, irxoxta miegħek.
Din l-Art Ħanina troddok lill-Feddej:
Grazzi Dun Ġwann. Strieħ issa fil-Mulej.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Ritratti: Il-paġna fuq Facebook tal-Kolleġġjata Bażilika u Proto-Parroċċa ta’ San Pawl, Rabat – Malta