Cardinal Prospero Grech

Fil-Bażilika ta’ San Pietru fil-Vatikan, matul l-għodwa tas-Sibt, il-Papa Benedittu XVI ċċelebra r-raba’ Konċistorju Ordinarju Pubbliku tal-Pontifikat tiegħu, li matulu ħatar 22 Kardinal ġdid, inkluż fosthom il-Malti, Mons Prospero Grech – li huwa t-tieni Kardinal Malti fl-istorja tal-Knisja Kattolika. Wara t-talba tad-dħul u l-Liturġija tal-Kelma, il-Papa agħmel l-omelija li matulha beda biex spjega l-kliem ‘effikaċi’ li ntuża fid-daħla għar-ritwal sollenni, kliem li bih Ġesu ħatar lill-Pietru ‘il-blata li fuqha jiena nibni l-Knisja tiegħi’. Il-Papa qal li dan il-kliem jikxef il-karattru ekkleżjali tal-ġrajja tal-Konċistorju.

Kien spjegat ukoll ‘l għala l-Kardinali l-ġodda jingħataw titlu ta’ Knisja f’belt jew djoċesi partikolari. Dan ukoll hu inkorporat fil-ħidma tagħhom li jgħinu fil-konsiderazzjoni u fl-evalwazzjoni tal-ġrajjiet, tal-problemi u tal-kriterji pastorali li jikkonċernaw il-missjoni tal-Knisja universali.

Jispjega f’das-sens ukoll il-beritta l-ħamra li ngħataw il-Kardinali l-ġodda. Fi kliemu, “il-Kardinali l-ġodda huma fdati bis-servizz tal-imħabba, imħabba lejn Alla, imħabba lejn il-Knisja, imħabba assoluta u bla kundizzjonijiet lill-bnedmin kollha, anki jekk dan jimplika li wieħed ixerred demmu”. Simbolu wkoll tas-servizz li huma msejħa jagħtu lill-Knisja b’imħabba u vigorożita, bi trasparenza u għerf t’għalliema, b’enerġija u qawwa ta’ rgħajja u b’fedelta u kuraġġ tal-martri. “Għandhom ikunu servi tal-Knisja li f’Pietru ssib il-pedament tal-għaqda”.

Il-Kap tal-Knisja Kattolika jissokta jispjega u jittraduċi f’termini prattiċi l-frott tal-Liturġija, partikolarment is-sejħa t’Alla lid-dixxipli tiegħu. F’dan kollu Ġesu jgħallimna kif għandha tkun il-ħajja tagħna, mhux bid-diskors, iżda bl-istess eżempju tiegħu. Dan jikkonfermah Ġesu stess meta qal li “Bin il-Bniedem ma ġiex biex ikun servut, iżda biex jaqdi u jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra”. Il-Papa jispjega wkoll kif is-sens ta’ awtorita għal dawk magħżula minn Alla jissarraf f’servizz, kif muri fil-Liturġija  permezz tal-figura servili ta’ Isaija.

Jagħlaq billi jitlob sabiex l-għotja ta’ Kristu fuq is-salib tkun għall-Kardinali l-ġodda il-pedament, l-istimolu u l-qawwa tal-fidi li titħaddem bl-imħabba. Jgħidilhom: “Jalla li fil-qofol tal-missjoni tagħkom fi ħdan il-Knisja u fid-dinja, ikun Kristu”.

Fiċ-ċurkett li kull Kardinal ġdid ngħata mill-Papa, evidenti r-rappreżentazzjoni ta’ San Pietru u San Pawl, bl-istilla fin-nofs li tinvoka lil Marija Santissma, Omm Alla. “B’dan iċ-ċurkett, intom ta’ kuljum tiftakru fix-xiehda kontinwa li dawn iż-żewġ dixxipli taw ta’ Kristu, saħansitra bil-martirju” – fejn id-demm li xerrdu huwa l-frott tal-Knisja. Il-Papa jirrakkomnda wkoll l-figura tal-Madonna lill-Kardinali l-ġodda, bħala mudell tal-qawwa fil-fidi u l-umilta.

IL-KOMPOŻIZZJONI TAL-KULLEĠĠ TAL-KARDINALI

Bil-ħolqien ta’ 22 Kardinal ġdid fil-Konċistorju tas-Sibt, il-Kulleġġ tal-Kardinali issa għandu 213-il membru, li 125 minnhom, taħt l-eta ta’ 80 sena, huma eleġibbli jivvutaw fl-eventwalita ta’ Konklavi għall-elezzjoni ta’ Papa ġdid. Dawk mhux eleġibbli jivvutaw, li huma Kardinali ta’ eta li taqbeż it-80 sena, jammontaw għal 88.

Fl-erba’ Konċistorji ta’ dan il-Pontifikat, Benedittu XVI ħatar 84 Kardinal ġdid.

Il-membri attwali tal-Kulleġġ tal-Kardinali ġejjin minn 71 pajjiż – 119 mill-Ewropa, 21 mill-Amerika ta’ Fuq (Stati Uniti u Kanada), 32 mill-Amerika Latina, 17 mill-Afrika, 20 mill-Asja u 4 minn Oceania.